Il-Fondazzjoni MAPFRE tkompli tqajjem kuxjenza dwar sigurtà fit-toroq

Matul l-2020, il-Fondazzjoni MAPFRE se tkompli fl-isforzi tagħha biex tkompli tqajjem kuxjenza dwar sigurtà fit-toroq, billi teduka lit-tfal u lill-pubbliku dwar miżuri li jistgħu jieħdu biex ikunu aktar siguri.

Il-Fondazzjoni MAPFRE ingħaqdet ma’ Doctors for Road Safety (D4RS), li ukoll huma konċernati dwar din il-kwistjoni nazzjonali, li teħtieġ tingħata prijorità.

D4RS hija organizzazzjoni bla skop ta’ qligħ, imwaqqfa minn tobba u studenti tal-mediċina, li qed jaħdmu biex jiksbu standards ogħla, f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà fit-toroq f’Malta u Għawdex. Il-Missjoni ta’ din l-għaqda hi li tqiegħed s-sikurezza fit-toroq fuq l-aġenda nazzjonali, billi tqajjem kuxjenza, teduka lill pubbliku, u tagħmel promozzjoni ma’ dawk kollha ikonċernati.

Edukazzjoni bikrija

Din is-sena, il-Fondazzjoni MAPFRE, flimkien ma’ D4RS se torganizza numru ta’ inizjattivi għal dan il-għan. D4RS se tkompli bil-kampanja Street Smart Road Safety, fejn se tilħaq firxa akbar ta’ studenti, kemm fi skejjel primarji kif ukoll dawk ta’ 6th form, bl-għan li teduka studenti li waslu biex jiksbu il-liċenzja tas-sewqan. B’hekk dawn ikunu edukati dwar kif ikunu responsabbli fit-triq, jagħżlu karozza xierqa u ma jużawx veloċità eċċessiva. Huma jitgħallmu ukoll dwar ir-riperkussjonijiet ta’ sewqan taħt l-influwenza tad-drogi jew alkoħol.

Taħriġ mediku

Il-Fondazzjoni MAPFRE se tappoġġa lil D4RS fl-isforzi kontinwi tagħhom biex iħarrġu tobba biex jipprovdu għajnuna ta’ emerġenza lill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku u fit-triq permezz tal-kors tal-First Responder Doctors Training (FRDT). Din l-għaqda diġà pprovdiet madwar 50 tobba bl-opportunitajiet ta’ għarfien rilevanti biex jipprattikaw ħiliet li huma meqjusa kruċjali għal dawk li jassistu f’każ ta’inċidenti tat-traffiku. Kull tabib li jipparteċipa f’dan il-kors qed jingħata wkoll First Response Kit li jistaw jżommu fil-vettura tagħhom, biex b’hekk ikollhom dak meħtieġ biex jipprovdu l-għajnuna medika lil vittmi midruba. L-Għan ta’ din l-inizjattiva hi sabiex aktar professjonisti mediċi ikollhom il-ħiliet u l-għodda meħtieġa biex jintervjenu b’mod effettiv, jekk dawn ikunu preżenti immedjatament wara inċident, meta is-servizzi tal-emerġenza jkunu għadhom fi triqthom. Dan huwa speċjalment importanti fl-ewwel minuti wara ħabta, fejn tista’ tkun salvata ħajja.

‘Il quddiem, il-Fondazzjoni MAPFRE se tkompli tappoġġa din l-inizjattiva sabiex teduka lil dawk konċernati u b’hekk tgħin fit-tisħiħ kontinwu biex b’hekk it-toroq f’Malta u Għawdex ikunu aktar siguri.