Il-Fondazzjoni Inspire tappella għal fondi għall-proġett tal-pixxina

Il-Fondazzjoni Inspire qed tappella għal donazzjonijiet għal manutenzjoni tal-pixxina li tintuża bħala forma ta’ terapija.

Il-pixxina ta’ 25 metru hija kompletament aċċessibbli u toffri numru kbir ta’ benefiċċji lil persuni b’diżabilità, għaliex tgħin ittaffi l-uġiegħ, tgħin fil-funzjoni tal-ġisem u tistimula s-sensi. Din il-pixxina tintuża minn tfal u adulti b’diżabilitajiet fiżiċi u intellettwali li jagħmlu użu mis-servizzi u l-programmi tal-Fondazzjoni Inspire, kif ukoll minn individwi oħra li jistgħu jibbenefikaw minn din il forma ta’ terapija.

Il-pixxina hija mħaddma minn sistema li ilha eżistenzi għal numru ta’snin. Minħabba dan, il-Fondazzjoni qed ikollha numru ta’ spejjeż konsiderevoli u is-sistema qed toħloq problemi ripetuti, biex b’hekk toħloq problemi fis-servizz. Il-pjan hu li dan it-tagħmir jinbidel kompletament għal wieħed li hu aktar effiċjenti fl-enerġija u favur l-ambjent.  Dan il-proġett għandu spiża li taqbeż €230,000.

“Is-sitwazzjoni fix-xhur li għaddew ippreżentat sfida finanzjarja għall-Fondazzjoni tagħna. Aħna nkomplu niddependu fuq id-donazzjonijiet biex inkunu nistgħu nkomplu nipprovdu s-servizzi tagħna u biex nimxu ’l quddiem bi proġetti bħal dawn,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Antonello Gauci.

Nhar il-Ħadd 6 ta’ Settembru, se jsir programm speċjali “Jien Suċċess”, li se jixxandar fuq TVM mit-3pm. Il-Programm se jinkludi intervisti ma’ ġenituri ta’ individwi li jibbenefikaw mill-programmi u servizzi tal- Fondazzjoni Inspire, intervisti ma dawk li jaħdmu fi ħdan il-Fondazzjoni u filmati li juru x-xogħol li jitwettaq.

It-tema “Jien Suċċess” intgħażlet minħabba li tiddeskrivi perfettament il-ħsieb ewlieni tal-Fondazzjoni Inspire – li kulħadd għandu jingħata ċ-ċans li jirnexxi u li jilħaq il-potenzjal tiegħu. Ikunu xi jkunu l-isfidi, il-kundizzjonijiet jew id-diżabilità, kulħadd għandu d-dritt li jirnexxi.

Il-Fondazzjoni Inspire tipprovdi servizzi terapewtiċi, edukattivi ,u oħrajn  lil tfal u adulti b’diżabilitajiet fiżiċi u intelletwali.  Fix-xhur li għaddew, il-Fondazzjoni ntlaqtet finanzjarjament mill-pandemija globali, minħabba sospensjoni f’diversi attivitajiet biex jinġabru fondi.

Biex tgħin, tista’ tagħti donazzjoni permezz ta’ dan il-link.

Tista’ tibgħat SMS fuq 5061 8080 – €4.66 | 5061 8926 – €6.99 | 5061 9215 – €11.65 jew iċċempel fuq 5160 2013 – €10 | 5170 2014 – €15 | 5180 2016 – €25

Dan it-tagħrif twassal mill-Fondazzjoni Inspire.