Il-Fondazzjoni HSBC Malta tisponsorja l-premju rebbieħ ta’ Climathon

HSBC-Malta-Foundation_Climathon

Read in English.

Il-Fondazzjoni HSBC Malta sponsorjat l-ewwel premju ta’ Climathon Malta 2020 li ntrebaħ minn app tal-mowbajl bl-isem Merħba. L-online hackathon, li għandha l-għan li tindirizza kwistjonijiet dwar it-tibdil fil-klima, ffokat fuq il-kultivazzjoni ta’ prattiki ta’ turiżmu sostenibbli billi tagħti s-setgħa lit-turisti barranin u lokali biex jagħmlu għażliet aktar sostenibbli matul il-vaganzi tagħhom. L-avveniment kien fih ukoll workshops u taħditiet biex il-parteċipanti jiġu mgħammra bil-mentalità t-tajba u għodda biex jiżviluppaw il-proġetti tagħhom.

Merħba għandu l-għan li jgħin lit-turisti jsiru konxji ta’ avvenimenti, ristoranti, akkomodazzjoni u għażliet ta’ vjaġġar li huma sostenibbli u favur l-ambjent madwar il-Gżejjer Maltin. L-app tqabbel l-għażliet tal-vjaġġatur u turi l-carbon footprint tal-individwu. L-utenti mbagħad, skont l-għażliet tagħhom, ikunu jistgħu jaqilgħu punti u jsarrfuhom fi prodotti u servizzi sostenibbli.

Glenn Bugeja, Maniġer għas-Sostenibbiltà Korporattiva mal-Bank  Malta, qal, “Ladarba Covid-19 ikun għadda, in-nies jerġgħu jivvjaġġaw, possibilment f’numri akbar minn qabel. Is-sostenibbiltà fit-turiżmu hi, u se tibqa’, kwistjoni importanti. Dan jagħmel ideat bħal Merħba, li għandu l-potenzjal li jgħin lill-vjaġġaturi individwali jagħmlu għażliet aħjar, importanti ħafna. Il-Fondazzjoni HSBC Malta se tkompli tinvesti f’inizjattivi bħal Climathon bħala parti mill-impenn globali kontinwu tal-bank lejn in-newtralità tal-karbonju.”

Erba’ timijiet magħmulin minn total ta’ kważi 30 parteċipant ressqu l-ideat tagħhom waqt Climathon Malta 2020. L-app tal-mowbjal rebbieħ, Merħba, hu frott ix-xogħol tal-istudenti Allen Tom u Francisco Barrios, u Gayle Murphy, fundaturiċi ta’ Global Green Events.

Il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar irrikonoxxa li l-isponsorjar tal-Fondazzjoni HSBC Malta għal Climathon Malta 2020 kien essenzjali għas-suċċess tal-avveniment. Dan l-appoġġ huwa strumentali biex jingħata bidu għall-proġett Merħba, u flimkien mal-appoġġ u l-gwida pprovduti mill-Ministeru, l-isforzi se jkunu diretti aktar lejn il-ħolqien ta’ settur turistiku aktar sostenibbli f’Malta.

Climathon hija inizjattiva appoġġata mill-Komunità tal-Għarfien u l-Innovazzjoni tal-Klima tal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (EIT Climate-KIC) u ġiet organizzata f’Malta permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, il-Bord għall-Azzjoni dwar il-Klima u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST). Minħabba l-imxija ta’ Covid-19, l-avveniment sar online.

Dan it-tagħrif twassal minn HSBC Malta.