Il-Fondazzjoni HSBC Malta tappoġġja lil Dr Klown

Read in English.

Il-Fondazzjoni HSBC Malta qed tkompli tappoġġja lil Dr Klown, l-NGO li għal bosta snin tiddeverti lit-tfal li qed jirċievu kura fl-Isptar Mater Dei. Il-Fondazzjoni, fil-fatt, dan l-aħħar ippreżentat għotja ta’ €7,500 lill-organizzazzjoni li fil-bidu tagħha kienet ispirata mill-film magħruf mad-dinja kollha Patch Adams.

Dr Klown ilu attiv għal għaxar snin, meta twaqqaf fl-2010. Bl-għajnuna tal-voluntiera, qed ikompli jgħin lit-tfal pazjenti fl-Isptar Mater Dei u fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo billi jwassal divertiment u daħk fis-swali tagħhom.

Caroline Buhagjar Klass, Kap tar-Riżorsi Umani u s-Sostenibbiltà Korporattiva ma’ HSBC Malta qalet, “Dr Klown dejjem għamlet biċċa xogħol meraviljuża biex jgħin lit-tfal u l-familji tagħhom fi żminijiet iebsa u ta’ sfida. M’hemm l-ebda dubju li d-daħq jista’ jwassal benefiċċji reali f’dawn iċ-ċirkostanzi. Il-Fondazzjoni HSBC Malta dejjem iffokat fuq l-appoġġ lit-tfal li qed jiffaċċjaw sfidi tas-saħħa, edukattivi jew soċjali u se nkomplu nappoġġjaw il-komunità li naqdu.”

Filwaqt li rringrazzja lill-Fondazzjoni HSBC Malta għall-appoġġ kontinwu tagħhom, il-President ta’ Dr Klown, Eric Muscat qal, “L-appoġġ ta’ HSBC lil Dr Klown huwa sostanzjali u apprezzat ħafna speċjalment matul dawn iż-żminijiet diffiċli tal-imxija. Il-Clown Doctors tagħna bħalissa għaddejjin minn taħriġ biex jgħinuhom jaġġustaw għal Clowning Virtwali li bħalissa huwa l-uniku mod kif jilħqu lit-tfal li għandhom bżonnna. Kull min jaf b’xi tifel jew tifla li għandhom bżonn is-servizzi tagħna jistgħu jilħquna permezz tal-imejl hello@drklown.org”.

Dan it-tagħrif twassal minn HSBC Malta.