Il-fond tal-BOV Studies Plus+ jittella’ għal €8,250,000 b’fondi Ewropej

L-MDB u l-Managing Authority jassiguraw fondi Ewropej addizzjonali wara s-suċċess inizjali ta’ din l-iskema

Read in English.

Wara s-suċċess tal-allokazzjoni inizjali, il-Bank of Valletta qed jestendi l-fondi tal-BOV Studies Plus+ għal €8,250,000, wara li l-Bank Malti għall-Iżvilupp (MDB) assigura fondi Ewropej addizzjonali bl-appoġġ tal-Managing Authority. Il-Bank of Valletta ngħata din iż-żieda mill-Fond Soċjali Ewropew wara sejħa pubblika organizzata mill-Bank Malti għall-Iżvilupp.

Il-BOV Studies Plus+ hija soluzzjoni ta’ finanzjament għal dawk l-individwi li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom f’Malta jew f’pajjiżi oħra, biex jagħmlu korsijiet ta’ tagħlim full-time, part-time jew distance learning li jwasslu għal-livelli MQF 5, 6, 7 jew 8 jew kwalifiki oħra rikonoxxuti internazzjonalment.  Sa mit-tnedija inizjali ta’ din l-iskema, il-Bank of Valletta ta madwar €5.5 miljun f’finanzjament Ewropew sabiex jgħin lil studenti u professjonisti jinvestu fl-edukazzjoni tagħhom.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim, Albert Frendo, Chief Credit Officer fil-Bank of Valletta ddikjara li l-BOV huwa kburi li kien “strumentali biex jassisti lil 145 student ikomplu bl-istudji tagħhom lejn il-karriera tal-għażla tagħhom. Din l-estensjoni fil-fond tal-istudji se tiftaħ bibien għal aktar individwi li altrimenti, minħabba ostakli finanzjarji, jinżammu lura milli jsegwu opportunitajiet ta’ żvilupp. L-impatt pożittiv huwa aktar wiesa’, għaliex dan l-investiment fil-ħiliet jirriżulta f’ħaddiema u professjonisti Maltin aktar imħarrġa.”

“Kuntenti li bħala l-Bank Malti għall-Iżvilupp, qegħdin għal darb’oħra nikkollaboraw mal-Bank of Valletta sabiex nagħtu appoġġ lil aktar studenti u professjonisti jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, u b’hekk ngħinuhom inaqqsu l-ħtieġa għal dipendenza finanzjarja fuq oħrajn,” qal is-CEO tal-MDB Rene Saliba. “L-adozzjoni rapida tal-fond inizjali wasslitna biex napplikaw għal estensjoni u nġibu aktar fondi lejn Malta. Is-self taħt din l-iskema jista’ jkopri l-miżati tal-kors u spejjeż oħra relatati mal-istudju bħal akkomodazzjoni u trasport. L-imgħax dovut matul il-perjodu tal-istudji jkun kopert bis-sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u ma jpoġġi l-ebda obbligu ta’ ħlas fuq l-istudent matul dan il-perjodu ta’ dħul limitat.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Hon Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li permezz ta’ fondi mill-Fond Soċjali Ewropew, qed jitkompla l-investiment fin-nies. Huwa spjega kif issa żdiedu miljun ewro maż-żewġ miljun ewro f’fondi Ewropej li kienu oriġinalment allokati. Dawn se jagħtu opportunita’ lil madwar 180 persuna biex jkunu jistgħu jibbenefikaw minn faċilitajiet finanzjarji. Dr Zrinzo Azzopardi kompla jgħid li l-Unjoni Ewropea qed tħares lejn aktar żvilupp fil-qasam diġitali li se jkun qed iġib bidla wkoll fl-ekonomija b’hekk aktar persuni iridu jkunu inċentivati biex ikomplu jistudjaw u jżommu ruħhom aġġornati ma’ dawn il-bidliet. ‘Dawn il-fondi Ewropej se jkunu ta’ sostenn biex aktar persuni jkollhom l-opportunita javvanzaw fil-karriera tagħhom. Investiment fl-edukazzjoni huwa investiment fil-pajjiż, biex Malta tkompli timxi l’quddiem,” ikkonkluda jgħid is-Segretarju Parlamentari. 

“Il-BOV Studies+ tegħleb żewġ ostakli ewlenin – ir-rekwiżiti kollaterali u li wieħed ma jlaħħaqx mal-pagamenti relatati mas-self fuq spejjeż tal-kors,” iddikjara ċ-Chief Officer tal-BOV. “L-istudenti jistgħu jħallsu lura s-self wara li jtemmu l-istudji tagħhom permezz tad-dħul tal-impjieg.  Dan il-prodott ġie mfassal biex ikun żgurat li l-finanzjament tal-istudji ikun kemm affordabbli kif ukoll aċċessibbli għal numru akbar ta’ studenti prospettivi, u joffri għadd ta’ benefiċċji bħal rata ta’ imgħax attraenti, perjodu ta’ moratorju sa ħames snin u l-ebda kontribuzzjoni bil-quddiem jew rekwiżit kollaterali.”

Il-BOV Studies Plus+ huwa appoġġjat mill-Programm Operattiv II, kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew u mmexxi mill-Bank Malti għall-Iżvilupp, filwaqt li jibbenefika mill-iskema ta’ garanziji tal-MDB.

Aktar informazzjoni tinstab fuq https://www.bov.com/content/bov-studies-plus-plus. Wieħed jista’ japplika billi jagħmel appuntament ma’ Fergħa tal-Bank of Valletta billi jibgħat email fuq customercare@bov.com.

Is-self kollu huwa soġġett għall-kriterji normali tal-Bank dwar is-self u għall-approvazzjoni finali mill-Bank. It-terminu tas-self m’għandux imur lil hinn mill-età tal-irtirar. Termini u l-kundizzjonijiet huma disponibbli fuq il-websajt: www.bov.com. Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, Il-Belt Valletta VLT 1130. Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA u hija liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).