Il-Fond Konsolidat iżid id-defiċit sa Marzu bi €38 miljun

Il-Fond Konsolidat tal-Gvern, fl-ewwel tliet xhur tas-sena, kabbar id-defiċit tiegħu bi €38 miljun.
Skont l-NSO, imqabbel mal-istess tliet xhur tal-2015, din id-darba naqas id-dħul tal-Gvern bi kważi €30 miljun u żdiedet l-ispiża bi ftit iktar minn €8 miljun.
Dan ifisser li d-defiċit tal-Fond Konsolidat bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena kien fil-livell ta’ €123.3 miljun.
L-ikbar tnaqqis fid-dħul kien mill-Għotjiet minkejja li żdied dak mit-Taxxa tad-Dħul, mis-Sigurtà Soċjali u minn taxxi bħad-Dazju u l-VAT.
L-ispiża kienet ogħla minħabba l-ispiża rikurrenti, l-iktar il-Kontribuzzjonijiet għall-Entitajiet tal-Gvern, il-Pagi u l-ispejjeż ta’ Manutenzjoni u Operazzjoni, kif ukoll minħabba interessi mħallsa.
L-ispiża kapitali naqset b’€36 miljun minħabba l-għeluq ta’ diversi proġetti b’fondi Ewropej.
Skont l-NSO ukoll, sal-aħħar ta’ Marzu d-dejn tal-Gvern kien fil-livell ta’ €5,558.7 miljun, li hu żieda ta’ €193.2 miljun fuq sena qabel.