Il-flus mill-kunċert tal-Prim Ministru għall-mard rari

Il-flus kollha li se jiddaħħlu minn kunċert bil-mużika favorita tal-Prim Ministru, Joseph Muscat, se jmorru għall-Alleanza Nazzjonali ta’ Sapport għall-Mard Rari.
Dan ħabbritu l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali (MPO), li se tkun qed tmexxi dan il-kunċert.
L-MPO qalet li t-talba biex il-flus imorru għal kawża ġusta saret minnha stess.
L-avveniment bl-isem ta’ “The Prime Minister’s Playlist”, se jsir nhar l-24 ta’ Frar fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, u fost l-oħrajn se jieħdu sehem Glen Vella, Tiziana, Kevin Borg, Ozzy Lino u Mikaela, kif ukoll il-grupp Għawdxi The Travellers.
Iċ-Ċermen tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, Sigmund Mifsud, se jkun qed jidderieġi ’l-orkestra.
Mifsud qal li barra l-mużika se jkun hemm ukoll effetti viżwali li jakkumpanjawha.
Id-direttur artustiku, Felix Busuttil, qal li kull min ġej se jesperjenza vjaġġ qalb l-emozzjonijiet u l-memorji li dawn id-diski kapaċi jqanqlu.
Irrimarka li l-mużika magħżula mill-PM kienet dik li akkumpanjatu fiż-żmien meta kien jistudja, meta aktar tard ħadem, u anki fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-kunċert jibda fit-8pm, u min irid jibbukkja jista’ jagħmel dan fuq showshappening.com