Il-flokkjiet ta’ taħt u l-kalzetti tas-suldati jaslu l-Parlament

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia sostna li hemm eluf ta’ flokkijiet ta’ taħt u mijiet ta’ pari tal-kalzetti fl-istokk tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Fil-Parlament, id-deputat Laburista Glenn Bedingfield staqsa dwar l-istokk tal-flokkijiet ta’ taħt, kalzetti u anke ingwanti ċerimonjali fl-imħażen tal-Forzi Armati ta’ Malta lesti sabiex jingħataw lill-membri tagħha, matul l-aħħar tliet snin.

Fl-2016, il-maħżen tal-Forzi Armati kellu fih 1,963 flokk ta’ taħt, 1,592 par kalzetti ħodor u  918-il par kalzetti blu skuri. Kien hemm ukoll par wieħed biss ta’ ingwanti ċerimonjali. Fl-2017, il-maħżen tal-Forzi Armati kellu fih 3,990 flokk ta’ taħt, 488 par kalzetti ħodor u  284-il par kalzetti blu skuri. Kien hemm ukoll 32 par ta’ ingwanti ċerimonjali.

Intant, sa Settembru ta’ din is-sena kien hemm 3,656-il flokk ta’ taħt. Sa Novembru kien hemm 654 par kalzetti ħodor u 378 par kalzetti blu skuri. Intant sa Novembru kien hemm 71 par ingwanti ċerimonjali fl-istokk tal-Forzi Armati.

Din il-mistoqsija Parlamentari ġiet propju ġimgħat wara li bombardier tkeċċa minn xogħlu wara li deher f’filmat li fih esprima l-frustrament tiegħu dwar xatba tal-ħadid bl-użu ta’ lingwaġġ goff. Fost il-kummenti li kien għamel kien sostna li kien jidher li hemm flus x’jintefqu fuq xatba li m’hemmx użu għaliha, iżda meta jitolbu għal flokk ta’ taħt jew par kalzetti “qalbhom tiġi mtertqa”.

‘Vera uża lingwaġġ goff imma ma kellux jitkeċċa’

Hu kien qal li ġiet tiswa mas-€16,000, somma li ma qablitx ma’ tweġiba oħra Parlamentari li kien ta l-Ministru Farrugia fejn spjega li l-prezz totali ta’ tliet xatbiet li ġew installati fir-ranges tal-isparar ta’ Pembroke ġew jiswew €1,642.

Kemm ġiet tiswa x-xatba tal-Forzi Armati ta’ Malta?

Paġna li ttellgħet fuq Facebook propju wara li l-bombardier tilef xogħlu sostniet li l-filmat inġibed bħala ċajta u li xi ħadd “irresponsabbli” għażel li jxerred il-filmat. Il-persuni li ħolqu l-paġna staqsew għalfejn is-suldat tkeċċa qabel ma tlestiet investigazzjoni meta hemm politiċi li minkejja li jkunu qed jiġu investigati, jibqgħu fil-poter.

“Tilef xogħlu fuq filmat ta’ minuta; injoraw il-kapaċitajiet tiegħu”

Is-suldat li tkeċċa spjega s-sitwazzjoni aħjar minni – Farrugia