Il-flokk li qed iġib lin-nies fl-inkwiet

It-Turkija għandha problema bil-flokkijiet.
Aktar minn 20 persuna ġew arrestati minn uffiċjali tas-sigurtà talli kienu lebsin flokk abjad bil-kelma HERO miktuba fuqu.
F'nofs Lulju qam pandemonju sħieħ f'Qorti fix-Xlokk tat-Turkija wara li eks suldat, Gokhan Guclu, mixli b'involviment f'attentat qtil tal-President Tork Tayyip Recep Erdogan libes flokk abjad bil-kelma HERO fuqu.
Guclu qed ikun akkużat ukoll li hu membru minn grupp ta' nies li kienu l-moħħ wara l-attentat kolp ta' stat sena ilu.
L-awtoritajiet Torok qalu li Guclu mar il-Qorti b'dan il-flokk li kienet bgħatitlu oħtu stess fil-ħabs wara li l-awtoritajiet tal-ħabs ħallewh jilbsu biex imur il-Qorti bih.
L-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni issa qed jinvestiga lil oħt Guclu u l-awtoritajiet tal-ħabs.
Kull min jinqabad jilbes dan il-flokk qed ikun arrestat għax allegatament hu simbolu ta' diżrispett lejn il-President Tork.