Il-fjamingu tar-Ramla għand veterinarju

Il-fjamingu li lbieraħ niżel fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra bħalissa jinsab għand veterinarju tal-Gvern.

Dan ikkonfermah ma’ Newsbook.com.mt Nathaniel Attard, kelliem għal BirdLife Malta li spjega li nġabar mill-Awtorità għall-Ambjenti u r-Riżorsi ġabret il-fjamingu u ħaditu fi ħdan il-Wild Birds Regulation Unit (WBRU). Irrimarka li l-fjamingu kien jidher viżibilment għajjien u bil-ġuħ.

Attard spjega li wara li jgħaddi minn taħt idejn il-Gvern, il-probabbiltà hija li jittieħed fir-Riserva Naturali tal-Għadira.

Ikkonferma wkoll li dan il-fjamingu mhux wieħed mit-tmien fjamingi li s-Sibt li għadda niżlu fir-riserva.

Dawk kollha li jixtiequ jaraw il-fjamingi, ir-riserva se tkun miftuħa għall-pubbliku nhar l-Erbgħa bejn it-8am u l-11am.