Il-finanzi tal-Greċja mill-ġdid suġġett jaħraq fl-UE

Il-Ministri tal-Finanzi tat-28 pajjiż membru tal-UE mistennija jissettjaw laqgħa, fil-jiem li ġejjin, biex jevitaw li l-Greċja terġa’ ssib ruħha f’inċertezzi kbar finanzjarji.
Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qal dan hekk kif irrifjuta t-talba tal-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, għal summit straordinarju dwar it-tielet bailout ta’ €86 biljun għall-Greċja.
Min silef il-flus lill-Greċja talabha biex tipprepara pakkett ta’ miżuri oħra ta’ awsterità u tgħaddih bħala liġi imma li jidħol fis-seħħ biss jekk ikun il-bżonn.
Dan biex ikollhom il-garanzija li l-Greċja lesta timpenja ruħha qabel tingħata l-fondi maqbula dwarhom imma l-Gvern ta’ Tsipras sostna li mhux se jdaħħal iktar miżuri ta’ awsterità minn dawk li ffirma għalihom is-sajf li għadda.
Mingħajr self ġdid, il-pajjiż ma jlaħħaqx l-impenji ta’ ħlasijiet li għandu u sa nofs Lulju jrid iħallas lura total ta’ €5 biljun.