Il-finali tal-Fireworks Festival fuq it-TV biss minħabba l-coronavirus

Aġġornat 04:34 PM
Ritratt: Heritage Malta

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ħabbret li l-finali tal-Fireworks Festival għandu jiġi segwit biss minn fuq it-televixin minħabba l-coronavirus.

Dalgħodu fuq Facebook il-Ministru tat aġġornament ta’ xi deċiżjonijiet li ttieħdu b’rabta ma’ din l-attività sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-coronavirus.

Spjegat li l-finali li kellu jsir illejla l-Belt Valletta se jixxandar biss fuq TVM. In-nar se jinħaraq xorta waħda fuq pariri ta’ esperti fil-piroteknika, peress li n-nar diġà mgħammar fuq il-post, u kieku jkun ta’ periklu jekk jerġa’ jiġi rilokat u żarmat.

Il-Ministru żiedet tgħid li ttieħdet id-deċiżjoni wkoll li l-avveniment annwali li jsir fuq l-art, biswit l-eks Pixkerija fil-Belt, jitħassar biex ma jinġemgħux eluf ta’ nies, inkluż turisti, li normalment kull sena jattendu għalih.

Hija appellat lill-pubbliku biex isegwi l-ispettaklu minn fuq it-televixin biss.

Il-final tal-Fireworks Festival li kellu jsir illejla fil-Belt se jixxandar biss fuq TVM. Fuq pariri ta' esperti…

Posted by Julia Farrugia Portelli on Thursday, August 6, 2020

L-ispettaklu tan-nar se jkun qed jittella’ minn dawn l-għaqdiet lokali:

  • Kamra tan-Nar Madonna taċ-Ċintura, Gudja
  • Għaqda tan-Nar 22 ta’ Frar, Birzebbugia
  • Għaqda tan-Nar 25 t’April, Qormi
  • Għaqda ta’ Nar San Gabriel, Balzan
  • Għaqda Mużikali San Leonardu A.D. 1858, Kirkop
  • San Ġużepp Fireworks Factory, Kirkop
  • Tal-Bilbi Fireworks Factory, Siġġiewi
  • La Stella Fireworks Factory Gudja
  • Sezzjoni Nar Għaqda Festi Esterni Santissma Trinità, Marsa

Ir-rebbieħa ta’ din id-19-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar huma l-għaqda Taljana Piromagia, segwiti mill-għaqda lokali St Andrew’s Band Club ta’ Ħal Luqa u
fit-tielet post ikklassifikaw l-għaqda Franċiża CSP Pyrotechnique.