Il-filmat ta’ Owen Bonnici ma sarx minn fondi pubbliċi

Read in English.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi qal li l-filmat li pproduċa għall-1 ta’ Mejju bbażat fuq xena mill-film Love Actually ma tħallasx minn fondi pubbliċi. 

Waqt il-ħin tal-mistoqsijiet, id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami filwaqt li stqarr li l-filmat għoġbu, staqsa lill-Ministru jekk intużawx flus pubbliċi.

Intant, fil-bidu tas-seduta, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna jekk kienx se jagħmel stqarrija ministerjali wara l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab li erbgħa minn ħames Ministri li investiga li użaw riżorsi pubbliċi biex jiġġeneraw materjal għall-paġni personali u politiċi tagħhom fuq il-midja soċjali oħra. 

Il-Kummissarju qal li l-materjal iġġenerat bl-użu ta’ riżorsi pubbliċi għandu jittella’ fuq siti uffiċjali u wara jista’ jitqiegħed fil-paġna personali tal-ministru. Madankollu nsista li m’għandhomx jintużaw riżorsi pubbliċi fil-produzzjoni ta’ materjal li se jittella’ direttament fuq il-paġna personali tagħhom.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia nforma lil Delia li Scicluna ma kellu l-ebda stqarrija x’jagħmel. Delia qal li Scicluna kien wieħed mill-Ministri implikati mir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards meta r-rwol tiegħu kien li jara li ħadd ma jabbuża mill-fondi pubbliċi u mhux jabbuża minnhom hu stess. Delia staqsa jekk kienx hemm wieħed mill-ministri l-oħra li kien se jagħmel stqarrija.

L-Ispeaker reġa’ nforma lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li min-naħa tal-Gvern ma kienet se ssir l-ebda stqarrija.