Il-film ‘The Lake’ jibda jinġibed f’Lulju

Mix-xahar id-dieħel se jibda jinġibed f’Malta film, tal-ġeneru action-thriller, li hu ko-produzzjoni Amerikana u Franċiża, b’atturi u professjonisti li huma rebbieħa ta’ diversi premijiet internazzjonali.
Il-film ‘The Lake’ se jgħaqqad lill-atturi Sullivan Stapleton (300: Rise of an Empire), lir-rebbieħ tal-Oscar JK Simmons (Whiplash), lil Charlie Bewley (tas-serje Twilight), u lil Diarmaid Murtagh (ta’ Sons of Liberty) mal-produttur Steve Quale.
Il-film ambizzjuż għandu kitba ta’ Richard Wenk u tal-produttur ta’ fama internazzjonali Luc Besson, li għandu iktar minn 50 film ta’ suċċess.
It-tim tal-produzzjoni ilu jaħdem f’Malta minn April biex sa Settembru jtemm il-ġbid tal-film. B’hekk, din l-aħħar ko-produzzjoni Amerikana se tkun għamlet sitt xhur xogħol f’Malta.
‘The Lake’ mistenni joħroġ fis-swali taċ-ċinema f’Lulju tas-sena d-dieħla.
Il-Ministru responsabbli mill-industrija tal-films, Edward Zammit Lewis, qal li l-Gvern qed jinvesti b’saħħa f’din l-industrija u ħoloq l-ambjent ideali biex il-produtturi jkunu jistgħu jaħdmu b’mod tajjeb.
Il-Kummissarju għall-Films, Engelbert Grech, qal li l-industrija qed tikber b’rata mgħaġġla f’Malta u li l-inċentivi li qed joffri l-pajjiż flimkien mal-għażla wiesgħa tal-postijiet fejn jista’ jsir ġbid qed iwasslu biex Malta tikkompeti fuq livell globali.
Wera s-sodisfazzjon tiegħu li produtturi ta’ livell għoli bħal Luc Besson għażlu lil Malta għall-proġett tagħhom.