Il-film “Simshar” ikkunsidrat għall-Premju Oscar

Il-film lokali “Simshar” huwa wieħed mill-films li qed jiġu kkunsidrati għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Premju Oscar.
“Simshar” huwa film ibbażat fuq it-traġedja ta’ vjaġġ bid-dgħajsa li telqet minn Marsaxlokk. Din hija l-ewwel darba li film Malti qed jiġi kkunsidrat għal dan l-unur prestiġġjuż fid-dinja taċ-ċinema.
Għall-edizzjoni li jmiss tal-Oscars, hemm 83 film li qed jiġu kkunsidrati fil-kategorija ta’ “L-Aqwa Film Barrani”.
Il-film li huwa bil-Malti tressaq għal din in-nominazzjoni minn kumitat magħmul mill-Kummissjoni Maltija għall-Films flimkien ma’ diversi entitajiet governattivi oħra.
Biex jiġi kkunsidrat għal Premju Oscar, il-pajjiż li jressaq film irid jilħaq kriterji tekniċi u finanzjarji fl-industrija tal-films.
Minbarra Malta, kien hemm tliet pajjiżi oħra li ġew nominati għall-Oscars għall-ewwel darba. Dawn huma l-Kosovo, l-Mawritanja u l-Panama.