Il-film Malti Limestone Cowboy illejla jixxandar għall-ewwel darba fuq it-TV

Limestone Cowboy
Davide Tucci f'xena minn Limestone Cowboy

Davide Tucci, Paul Portelli, Paul Cilia u Irene Christ huma l-protagonisti tal-film Malti Limestone Cowboy li se jkun qed jixxandar għall-ewwel darba fuq it-TV illejla fis-7.15pm fuq l-istazzjon GO Stars.

L-istorja tlaqqagħna ma’ Karist Camilleri li għandu ħolma li bħala l-Limestone Cowboy, kandidat indipendenti, isir il-Prim Ministru ta’ Malta. Għalhekk, mgħejjun minn bosta ħbieb mill-każin tar-raħal kif ukoll minn Tommy, persunaġġ tassew partikolari li jieħu f’idejh il-kampanja politika, il-Limestone Cowboy jibda jwassal il-messaġġ tiegħu lill-poplu biex jivvutalu fl-elezzjoni generali.

Li ma jafx Karist huwa li n-nies mhux qed jieħduh bis-serjetà u ‘sħabu’ tal-każin fil-fatt m’huma ħbieb xejn u qed jgħaddu passata bih.

Din is-sitwazzjoni issir iebsa ħafna għall-familja ta’ Karist, għall-mara tiegħu Anya u ghat-tifel tieghu John, imsemmi minn Karist għall-idolu tiegħu John Wayne.

John huwa raġel ta’ suċċess li jgħix f’mistħija kbira minħabba dak li qed jagħmel missieru.

Dan huwa t-trailer tal-film meta kien ħareġ fiċ-ċinema f’Malta.

Il-film għandu produzzjoni ta’ Take 2 Entertainment, b’direzzjoni ta’ Abigail Mallia. Il-kitba hija ta’ Jon Mallia u Carlos Debattista.

Limestone Cowboy jixxandar fuq GO Stars illum il-Ħamis 5 ta’ Novembru fis-7.05pm kif ukoll matul il-lejl fit-3.10am, kif ukoll il-Ħadd 29 ta’ Novembru fl-10.35pm u fl-4.10am.