Il-film Malti L-Għoġol tad-Deheb se jintwera fl-Istati Uniti

F’dawn l-aħħar ftit ġranet ġie mħabbar li l-ewwel film ċinematografiku Malti għall-familja kollha Il-Misteru tal-Għoġol tad-Deheb ġie magħżul biex jintwera f’Los Angeles fl-Istati Uniti waqt il-festival internazzjonali Skiptown Playhouse. Din l-aħbar hi waħda pożittiva ħafna, speċjalment meta wieħed jiftakar li films li jkunu mmirati għall-familja kollha, rarissimu jidhru f’festivals internazzjonali.

Skiptown International Film Festival hu festival ġdid annwali li jispeċjalizza f’films indipendenti li jkollhom il-potenzjal li jiġu ddistribwiti madwar id-dinja. Interessanti li nżidu li l-festival hu mmexxi minn wieħed mill-aktar distributuri ta’ films indipendenti mfittxija fl-Amerika.

Tajjeb li nżidu li l-istorja tal-film tkompliet grazzi għal serje televiżiva li bdiet tixxandar f’Ottubru li għadda u li jisimha L-Għoġol tad-Deheb.

Illum nistgħu wkoll inħabbru wkoll li t-tieni u l-aħħar staġun tas-serje televiżiva popolari L-Għoġol tad-Deheb se tixxandar minn Ottubru nhar ta’ Ħadd fis-16:30, b’ripetizzjonijiet il-Ħamis fil-17:00 u l-Ħadd fl-10:00 fuq l-istazzjon One.

AQRA: Filmat: Jibda l-ġbid fuq it-tieni staġun ta’ L-Għoġol tad-Deheb

Tkellimna mal-kittieba u producer Ruth Frendo dwar l-aħħar preparamenti li għaddejjin bħalissa.

Ritratt: Alenka Falzon

“Il-filmat tal-episodji tas-serje televiżiva kollha saret tul dan is-sajf. Kien hemm żewġ raġunijiet għaliex preferejna nagħmlu dan. L-ewwel net għax peress li l-atturi prinċipali huma t-tfal, is-sajf hu ż-żmien meta ma jkollhomx l-iskola. Min-naħa tagħna, żgur li ma ridnix intellfuhom mill-iskola għax nemmnu li l-edukazzjoni għanda tieħu l-prijorità fuq kollox. It-tieni raġuni kienet li t-tfal jikbru malajr ħafna. Peress li x-xeni ma jiġux miġbudin waħda wara l-oħra, ma ridnix li l-atturi tagħna jidhru differenti minn xeni għal oħra,” Ruth kompliet.

“Imbagħad bħalissa għaddejjin bil-muntaġġ tal-filmati. Tgħidx kemm qed inħossni eċċitata għax ix-xogħol tassew jidher tajjeb!” spiċċat tgħidilna.