Il-film li salva lill-MGM minn falliment

Illum fit-3pm l-istazzjon Rete 4 se jkun qed ixandar Ben Hur, film rebbieħ ta’ 11-il Oscar, u li dejjem ikun mistenni minn ħafna madwar id-dinja f’dawn il-ġranet tal-festi tal-Għid.

Il-fuq minn 300 sett inbena għal dan il-film filwaqt li aktar minn miljun prop intużaw tul id-disa’ xhur li dan il-film dam jinħadem. Burt Lancaster kien irrifjuta l-parti ewlenija minħabba li ma kienx jaqbel mal-“morali vjolenti” tal-istorja. Il-parti minflok għamilha Charlton Heston. Stewart Granger kien offrut il-parti ta’ Messala iżda fuq parir tal-aġent tiegħu irrifjuta biex jevita li jaħdem ma’ Heston.

Meta spiççaw jaħdmu l-film, l-MGM iddeċidew li jkissru is-settijiet kollha għax beżgħu li dawn jispiċċaw jintużaw f’xi films oħra Taljani. Dan il-film kien sewa lill-MGM $15-il miljun. Il-film salvaħhom minn falliment u daħħal $75 miljun.

Fatti dwar Charlton Heston

Dan l-aħħar ħarġu fatti interessanti dwar Charlton Heston mingħand ibnu Fraser, ta’ 65 sena li hu producer tal-films. Huwa qal li missieru ssaħħar aktar fil-fidi tiegħu waqt u wara li kien jaħdem il-films Bibbliċi The Ten Commandments u Ben-Hur. Minbarra l-iskript tal-films beda jfittex ukoll f’kotba li jirrakuntaw il-ġrajjiet murija fil-films. Minnhom ħa diversi punti li għamluh aktar sod fil-fidi.

“Missieri ma kellux il-fidi għax sema’ xi priedka,” qal Fraser. “Il-fidi tiegħu waslet minn ġo fih stess.”

Charlton Heston (Mosè) ma’ ibnu Fraser (Mosè tarbija) waqt il-ġbid tal-film The Ten Commandments fl-1955

Fatt ieħor ta’ min ikun jaf huwa li Fraser ħadem il-parti ta’ Mosè tarbija f’The Ten Commandments. Fil-fatt intagħżel għall-parti qabel ma kien twieled. Id-direttur tal-film, Cecil B. DeMille, meta kienu se jiġbdu l-film sar jaf li mart Charlton Heston kien se jkollha tarbija. Għalhekk qal lill-attur li jekk ikollhom tifel kien se jagħmel il-parti ta’ Mosè tarbija. Peress li t-tarbija kienet tifel, Fraser, ingħata l-parti.

Fraser Heston

Fraser żvela li waqt li kienu qed jiġbdu x-xena ta’ meta ta’ tliet xhur kien fil-basket fix-xmara hu kien se jegħreq għax beda dieħel ilma u spiċċa fl-ilma sa nofsu. Meta ra hekk missieru mar biex ineħħih mill-ilma imma kien hemm social worker li waqqfitu għax widdbitu lidak kienx xogħolha u li hu ma kellux jindaħal.

“Missieri,” jiftakar Fraser, “bil-vuċi ta’ Mosè kif kien se jinterpreta fil-film, qalilha ‘Dak hu ibni’. U hi kellha ċċedi għax min se joħodha kontra Mosè?”