Il-Filippini b’riga differenti dwar id-Drittijiet Umani

L-Insara f’Manila pprotestaw fit-toroq biex jitolbu ġustizzja wara l-qtil ta’ saċerdot Kattoliku. Sadanittant saċerdot mill-Filippini din il-ġimgħa se jmur il-Kuwajt biex jingħaqad ma tliet saċerdoti oħra f’missjoni pastorali biex taqdi l-immigranti f’dan il-pajjiż tal-Golf.
Dan l-aħħar il-Kuwajt keċċa lill-Ambaxxatur tal-Filippini wara li dan deher f’filmat jieħu sehem f’operazzjoni ta’ salvataġġ ta’ ħaddiema li sabu ruħhom f’diffikultà, liema missjoni kienet approvata mill-Gvern tall-Filippini.
Dan il-filmat deher fuq il-midja soċjali fejn tpoġġa minn persuna qrib il-President Duterte u ġieb reazjoni qawwija kontra l-Gvern tal-Kuwajt, fejn tpoġġew aktar minn 400,000 kumment ta’ kundanna.
L-Ambaxxatur, Renato Villa, qal li ma kellux bżonn l-għajnuna tal-Gvern tal-Kuwajt biex joħroġ lill-ħaddiema abbużati mill-post tax-xogħol tagħhom. Hu tkeċċa mill-Gvern tal-Kuwajt jum wara li Duterte qal li rnexxielu jirbaħ kwestjoni kontra dan il-pajjiż tal-Golf.
Il-Kuwajt, barra li keċċa lill-ambaxxatur tal-Filippini issa ħalef li se jarresta xi Filippini oħra li ħarġu ħaddiema mid-djar ta’ min kien jimpjegahom għax qed isostni li dan imur kontra ftehim li kien estenda amnestija għall-ħaddiema Filippini li damu aktar fil-pajjiż milli kellhom permess.
L-inċident li fih kien involut l-Ambaxxatur wassal biex aktar minn 142 ħaddiem Filippin li kellhom jirritornaw lejn pajjiżhom fis-26 ta’ April, inżammu fil-Kuwajt fejn jingħad li hemm aktar minn 3,000 Filippin bla permess.
Aktar minn 800 minn dawn qed jilmentaw minn abbużi minn min iħaddimhom u għandhom battalja kbira anke biex jitħallsu ta’ xogħol li għamlu.
Filwaqt li s-sentiment fil-Filippini dwar dak li qed jagħmel il-Gvern għall-ħaddiema li hemm fil-Kuwajt, min-naħa l-oħra qed jakkużawh li qed juża’ riga differenti fejn jidħlu d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż stess.
Fl-istess ħin li tkeċċa l-ambaxxatur mill-Kuwajt, il-Gvern tal-Filippini ħassar il-visa li kienet se tingħata s-soru Awstraljana Patricia Fox, bħala kastig għax kienet titkellem favur id-drittijiet umani, bla ma ngħatat iċ-ċans li tgħid il-verżjoni tagħha. Id-deċiżjoni qed tkun appellata fil-Qorti.
Duterte qal li hu personalment kien ordna li s-soru tkun investigata għax qal li din tkellmet dwar ir-riformi fid-dinja tax-xogħol u r-riformi agrarji li qed iwettaq il-Gvern tiegħu. Il-President hu magħruf li fejn jidħlu l-Qrati jħobb jaqta’ fil-qasir kif jidher fil-qtil ta’ madwar 4,000 suspettat li mexxew id-droga li nqatlu f’dawk li hu jsejjaħ “operazzjonijiet leġittimi mill-Pulizija”.
Il-Gvern ta’ Duterte li f’dawn il-jiem qed jinsisti fuq id-drittijiet umani tal-ħaddiema Filipppini fil-Kuwajt, b’mod regolari jikser id-drittijiet umani tal-ħaddiema f’pajjiżu u ordna l-qtil ta’ ħafna minnhom.
L-Isqfijiet fil-Filippini  qalu li dak li l-Gvern għandu bżonn jifhem hu li d-drittijiet ta’ dawk il-Filippini li jinsabu barra l-pajjiż huma l-istess bħal dawk ta’ eluf ta’ vittmi li hu stess ordna l-qtil tagħhom mingħajr ebda proċess u daqs dawk li qed jinżammu fil-ħabsijiet bla ma kienu mressqa l-Qorti, u daqs id-drittijiet ta’ dak li qed ikunu ttorturati fil-ħabsijiet fil-Filippini stess.