“Il-figuri ekonomiċi riċenti: futur b’ottimiżmu għal Malta” – Prof. Scicluna

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna sostna li filwaqt li meta wieħed jara l-figuri ekonomiċi riċenti, iħares b’ottimiżmu lejn il-futur għal Malta u għalhekk m’hemmx bżonn li tinbidel il-politika fiskali la f’Malta u lanqas fl-Unjoni Ewropea.

Waqt laqgħa tal-Ecofin fil-Litwanja, il-Professur Scicluna sostna li n-nuqqas ta’ finanzjament lill-intrapriżi żgħar u medji kif ukoll il-qgħad fost iż-żgħażagħ huma żewġ kwistjonijiet urġenti li hemm bżonn jiġu indirizzati fl-Unjoni Ewropea.

Waqt id-diskussjoni, l-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali ddiskutew is-sitwazzjoni finanzjarja fiz-zona ewro u fl-Unjoni Ewropea b’mod speċjali l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-intrapriżi żgħar u medji. Huma ddiskutew ukoll diversi miżuri neċessarji bil-għan li s-sistema finanzjarja Ewropea tibqa’ stabbli u fil-futur ikunu evitati disturbanzi f’dan is-settur.

Fil-laqgħa tal-Ecofin, kien diskuss ukoll il-programm t’aġġustament għal Ċipru, kif ukoll is-sitwazzjoni u l-iżviluppi fil-Portugal u l-unjin bankarja.