Filmat: Il-fiera l-kbira ta’ San Martin f’Ħal Tarxien

Nhar il-Ħadd 10 ta’ Novembru se tkun qed tittella’ l-Fiera l-Kbira ta’ San Martin f’Ħal Tarxien.

Dan hu avveniment li sar mistenni minn sena għall-oħra wara li reġa’ beda’ jsir tlett snin ilu, għalkemm ħafna kienu dawk li baqgħu diżżappuntati meta minħabba fil-maltemp, l-attività kienet tħassret.

Se jkun hemm bosta stands ta’ artiġġjanat Mati fisthom dak tal-bizzilla, arti fuq l-injam, pittur, xogħol tal-fidda, ħjata, rigali u ornamenti għad-dar magħmula bil-ganċ, xemgħat u fwejjaħ. Se jkun hemm ukoll inbejjed, żjut, ħaxix u frott frisk, kif ukoll razez differenti ta’ fniek bis-sehem tar-Rabbitry Fancy Breeder.

Ma jonqosx il-logħob tradizzjonali tal-fiera u tombla bi premjijiet mill-isbaħ.

Matul il-Fiera l-Kbira ta’ San Martin ser jittella’ programm varjat ta’ divertiment għall-familja kollha, b’mużika u kant, żfin, show ta’ maġija minn Daniel Raven, illużjonista popolari f’Malta, ħafna logħob għat-tfal u show pjaċevoli iżda edukattiv minn Fonzu l-Fenek.

Jieħdu sehem ukoll fost l-oħrajn id-duo popolari Malti The Greenfields flimkien ma’ artisti stabbiliti u talent ġdid, daqq tal-kitarri prejjem immexxija mill-prim kitarrist Johnny Saliba ta’ Birżebbuga, bosta skejjel u gruppi taż-żfin fosthom Lookstar Dancers, Dancing Feet Studio u The Dancing Angels. Intant, formazzjoni tal-Banda Marija Annunzjata ser tferraħ l-atmosfera permezz ta’ bosta marċi popolari. Bosta klabbs ta’ dilettanti tal-vetturi ser jesebixxu l-karozzi tagħhom fosthom b’wirjiet ta’ vetturi klassiċi, vetturi tal-gwerra, u oħrajn Amerikani, bis-sehem ta’ Classic Ford Club Malta, Malta Mini Owners Club u Rolls Royce & Bentley Club Malta.

Ovvjament mhux se jonqos l-ikel tradizzjonali fejn fis-1pm jisserva l-majjal mimli bil-patata l-forn għall-ikla ta’ San Martin.

Se ssir ukoll l-imbuljuta skont riċetta antika miksuba mill-anzjani Tarxaniżi, kif ukoll ikel u ħelu ieħor tradizzjonali Malti fosthom imqaret tat-tamal, kafè sħun bl-aniżetta, tè jew ċumnata tradizzjonali – mulled wine b’laqta Maltija ta’ żmien l-Ingliżi.

Se jkun hemm ħafna aktar ikel Malti.

Il-Fiera l-Kbira ta’ San Martin qed tittella’ mill-Għaqda mużikali Annunzjata ta’ Ħal Tarxien bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien. L-attività, li d-dħul għaliha huwa b’xejn, hija pet friendly.

Għal aktar informazzjoni kif ukoll biex tirriserva l-ikla tiegħek tista’ ċċempel fuq 99165199 jew 99852531.