Il-fiduċja tal-Maltin: l-inqas fil-partiti politiċi, l-aktar fl-Armata

21% tan-nies f’Malta ma jafdawx fil-partit politiċi, li tfisser 3% aktar mill-medja Ewropea, filwaqt li l-Armata tgawdi mill-ogħla fiduċja, b’67%.
Din l-istatistika, fost ħafna oħrajn, tista’ tinstab fir-Rapport Nazzjonali tal-aħħar Stħarriġ Standard tal-Ewrobarometru, li lil intervista wiċċ imb wiċċ lil 503 persuni f’Malta f’Novembru li għadda.
Il-mistoqsijiet kienu strutturati fuq 4 livelli, jiġifieri dak personali, imbagħad nazzjonali, Ewropew, u finalment mistoqsijiet dwar il-perċezzjoni.
Meta ġew mistoqsija dwar il-fiduċja f’istituzzjonijiet differenti, il-Maltin l-aktar li għandhom fiduċja huwa fl-armata, b’67%, filwaqt li l-medja Ewropea hi ta’ 73%.
35% wieġbu li għandhom fiduċja fil-ġudikatura, u għall-Korp tal-Pulizija 53%. 21% biss tal-poplu għandu fiduċja fil-partiti politiċi, filwaqt li 51% tal-poplu wieġeb li għandu fiduċja fil-Gvern.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Lawrence Zammit, Kofundatur ta’ MISCO, irrimarka li r-riżultati f’dan l-Ewrobarometru ma jvarjawx wisq minn Ewrobarometri tal-passat, minkejja li l-istħarriġ sar 5 xhur wara elezzjoni ġenerali, u xahar biss wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-kriminalità titla’ għall-ewwel darba fl-ewwel post
Meta mistoqsija biex jelenkaw l-aktar żewġ sfidi tal-pajjiż bħalissa, 45% tal-intervistati semmew il-kriminalità, imbagħad l-immigrazzjoni (32%), l-ambjent u l-enerġija (22%), l-akkomodazzjoni (12%), is-sistema edukattiva (11%) u l-għoli tal-ħajja (10%).
Zammit irrimarka li wieħed irid iżomm f’moħħu ż-żmien meta sar l-istħarriġ, u qal li din kienet l-ewwel darba li l-kriminalità ġiet fl-ewwel post.
Kollox ma' kollox, il-maltin pożittivi dwarhom, dwar pajjiżhom u dwar l-UE
Madankollu l-laqta ġenerali fir-rapport hija li l-Maltin huma kuntenti u pożittivi, kemm dwar il-qagħda personali, kemm dwar dik ta’ pajjiżhom, kif ukoll dik tal-Unjoni Ewropea.
75% esprimew opinjoni pożittiva dwar is-sitwazzjoni f’Malta, 74% kienu pożittivi dwar is-servizzi pubbliċi, u 61% wieġbu li b’mod ġenerali l-pajjiż sejjer fid-direzzjoni t-tajba.
Kważi 60% sodisfatti bil-mod kif taħdem id-demokrazija fil-pajjiż.
Ġie rrimarkat li l-livelli ta’ perċezzjoni f’Malta huma ogħla mill-medja Ewropea, ngħidu aħna 96% tal-parteċipanti wieġbu li huma kuntenti b’ħajjithom, filwaqt li l-medja Ewropea hi 83%.
Interessanti kif l-opinjonijiet tal-parteċipanti f’Malta jixbhu l-aktar lil dawk fil-pajjiżi tat-Tramuntant tal-Ewropa, bħall-pajjiżi Skandinavi, il-Ġermanja u l-Olanda, u mhux lil dawk f’pajjiżn eqreb, bħal fil-Mediterran.
Fuq livell Ewropew
Skont il-parteċipanti, l-akbar sfidi li ċed taffaċċja l-Ewropa huma t-trroriżmu, l-immigrazzjoni u l-kriminalità, f’din l-ordni.
54% tal-Maltin wieġbu li l-UE tssalvagwardja l-interessi tagħhom, u 77% wieġbu li Malta barra mill-Unjoni ma jkollhiex futur, li kien l-ogħla perċentwal fl-Unjoni.
Żewġ terzi wieġbu li jħossuhom ħaġa waħda mal-Unjoni.
Fit-tweġibiet tiegħu lill-midja wara l-konferenza, Lawrence Zammit ikkonkluda li skont l-esperjenza li għandu f’dal-qasam ta’ sondaġġi, kif ukoll mir-riżultati f’dan l-aħħar studju, jemmen li s-soċjetà Maltija qed issir aktar liberali u demokratika.
Preżenti kien hemm ukoll Elene Grech, rappreżentanta tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.
Aqra r-rapport sħiħ bl-Ingliż minn hawn taħt: