Il-fidi u l-vjolenza mhumiex kompatibbli – Papa Franġisku

Waqt l-Anġelus il-Papa Franġisku qal li mhux permess l-użu tal-vjolenza sabiex wieħed jiddefendi l-fidi. Il-qawwa vera tan-Nisrani tinsab fil-verità u l-imħabba, li tfisser ċaħda ta’ kull tip ta’ vjolenza.

B’referenza għal Vanġelu tal-Ħadd, il-Papa Franġisku qal li Ġesù jgħid li ġab il-firda. Il-Papa spjega li sabiex wieħed jimxi wara Kristu ma jridx ikun newtrali, għaliex il-fidi mhix ornament. Għalhekk li wieħed jgħix il-fidi, ma jfissirx li żżejjen ħajtek bir-reliġjon.

Il-Papa kompla jgħid li n-Nisrani jrid jiċħad il-ħażen, l-egoiżmu, u jagħraf jagħżel bejn it-tajjeb, il-verità, l-ġustizzja anka meta jrid jissagrifika dak li hu fl-interess tiegħu. Minkejja li dan jista’ jwassal għall-firda, mhuwiex Kristu li joħloqha. Ġesù jgħid li wieħed jista’ jgħix għalih jew għal Alla u l-oħrajn. Wieħed irid ikun lest biex jaqdi u jobdi lil Alla.

Wara t-talba tal-Anġelus il-Papa talab għal vittmi li għerqu fil-Filippini, kif ukoll għal paċi fl-Eġittu.