Il-fidi tista’ tirrendi Kanadiżi “ċittadini tat-tieni klassi”

Ftit ilu fil-provinċja ta’ Quebec fil-Kanada għaddiet liġi li jekk persuna ma’ turix wiċċha ma tistax tieħu servizzi pubbliċi.
Il-kritiċi sostnew li din tiddiskrimina kontra l-Musulmani li fil-prattika reliġjuża tagħhom jużaw velijiet ma’ wiċċhom.
Dan l-aħħar qamet kontroversja oħra dwar il-Programm tax-Xogħol tas-Sajf fil-Kanada meta l-Gvern ħabbar li biex kumpanija jew organizzazzjoni tirċievi għajnuna finanzjarja mill-Gvern biex tidħol f’din l-iskema, trid tkun favur l-abort.
Ix-xahar li għadda grupp magħmul minn mexxejja Lhud, Kattoliċi u Musulmani ingħaqdu u talbu lill-Gvern iwarrab din id-deċiżjoni.
L-Arċisqof ta’ Montreal, Mons. Christian Lepine, qal li dawn iż-żewġ każi se jwasslu lilll-pajjiż biex persuni li għandhom xi twemmin partikolari jitqiesu bħala “ċittadini tat-tieni klassi”.
Hu qal li l-intenzjoni ċara tal-liġi hi li tafferma l-libertà reliġjuża u tal-kuxjenza f’isem in-newtralità tal-Istat. 
“Imma x’inhi newtralità? B’newtralità jien nifhem li kulħadd hu milqugħ. Hu x’inhu t-twemmin tiegħek u anke jekk m’għandek ebda twemmin, int milqugħ. Meta n-newtralità tfisser li ma tistax turi fiex temmen, tispiċċa l-libertà.
In-newtralità tkun moqdija aħjar jekk ngħidu li kulħadd, bit-twemmin tiegħu hu milqugħ. Irridu nkunu soċjetà pluralistika. Imma jekk ngħidu li aħna soċjetà pluralistika imma ma’ tistax turi fiex temmen, il-pluraliżmu jsir inviżibbli.  Jien ma nemminx f’newtralità li teskludi lin-nies”, sostna l-Arċisqof. 
Hu sostna li dan għandu jħasseb ukoll lill-Kattoliċi. Fin-nofs hemm kwestjoni ta’ prinċipju u xi darba tista’ tolqot lill-Kattoliċi wkoll. 
Il-liġijiet għandhom effett soċjoloġiku u jagħtu messaġġ dwar dak li s-soċjetà tqis bħala important. Jekk se neskludu li xi ħadd f’isem in-newtralità jista’ jasal il-jum fejn wieħed ikun fi kju f’ħanut liebes burka u xi ħadd jgħidlu joħroġ mill-ħanut jew ineħħi parti mill-ilbies li tiddistingwih. 
Dan jista’ jkollu wkoll effett fuq il-mentalità tan-nies li ma jibqgħux kapaċi jaċċettaw lil kulħadd minħabba t-twemmin tagħhom.
L-Arċisqof qal li dan hu sinjal li l-libertà reliġjuża u ta’ kuxjenza qed jonqsu.
Din hi persekuzzjoni bil-pulit, kif isejħilha l-Papa Franġisku.