Il-fidi tal-insara Iraqini hi teżor għall-Knisja

Ix-xiehda ta’ fidi li taw l-insara Iraqini li kellhom jaħarbu minn djarhom għax persegwitati, hi teżor għall-Knisja. L-“iva” li qalu lil Alla swiethom kollox u l-Knisja għandha tgħinhom. Dan stqarru Mons. Alberto Ortega, Nunzju Appostolika għall-Ġordan u l-Iraq.
Mis-sena 2000 ‘l hawn l-insara fl-Iraq niżlu minn miljun u nofs persuna għal 300,000. “Din hi telfa kbira mhux biss għall-Knisja imma wkoll għas-soċjeta’ Iraqina għax l-insara għandhom rwol fundamentali fil-ħajja tal-pajjiż.
“Fl-2014, bil-wasla tal-ISIS kienu sfurzati li jagħżlu jew li jikkonvertu għall-Islam, iħallsu taxxa qawwija jew jaħarbu mill-pajjiż biex jevitaw il-mewt. Ħallew kollox biex ma jiċħdux il-fidi. Ma naf l-ebda wieħed minnhom li ċaħad il-fidi jew li taparsi għamel hekk”, qal Mons. Ortega.
“Min jum għall-ieħor kellhom jiġbru ftit affarijiet essenzjali u jaħarbu. Illum ħafna minnhom qed jgħixu fil-Kurdistan fi djar mikrija bl-għajnuna tal-Knisja Universali u f’kamp tar-refuġjati ‘dinjituż’ li fih hemm jgħixu madwar 4,000 persuna”.
“Id-djar huma mibnija għal familja waħda iżda fihom jgħixu tnejn jew tliet familji skont il-kobor tagħhom. Jgħixu f’kamra żgħir, bl-imtieraħ jistrieħu ma’ ħajt li mal-lejl jitniżżlu fl-art biex jorqdu fuqhom, gwardarobba tal-plastik, televiżjoni żgħir u dejjem b’xi santa ta’ Kristu jew tal-Madonna. Minkejja dawn id-diffikultajiet qatt ma tismagħhom igergru, għax tilfu kollox imma mhux il-fidi”, jgħid in-Nunzju Appostoliku.
“Tiskanta kif dawn in-nies ma għandhom ebda mibegħda f’qalbhom u lesti jaħfru lil dawk li keċċewhom minn djarhom u weġġgħuhom.  Anzi jitolbu għal dawk li ppersegwitawhom biex forsi jikkonvertu u Alla jidħol f’qalbhom”.  Il-fidi tagħhom skont Mons Ortega twieldet mill-ġdid fost it-tbagħatija. Uħud minnhom li ma kienux insara prattikaneti ħafna jsostnu li għalihom din kienet opportunita’ biex jerġgħu jiskopru l-fidi.
F’moħħ in-Nuzju hemm il-belt ta’ Mosul.  Hu jgħid li rebħa militari biex il-belt tittieħed lura mill-ISIS ma tkunx biżżejjed. Hemm bżonn ta’ azzjoni politika, ekonomika u edukattiva li jwasslu għad-djalogu u l-kollaborazzjoni.  Il-post irid jinbena mill-ġdid u għalhekk hemm bżonn l-għajnuna tal-Knisja Universali, tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-komunita’ internazzjonali.