“Il-fidi ma tiqafx minħabba l-coronavirus” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li jħoss sogħba li llejla ma jistax jiċċelebra l-irxoxt ta’ Ġesù Kristu mal-ħafna nies li normalment jattendu din iċ-ċelebrazzjoni, iżda l-fidi ma tiqafx minħabba l-coronavirus.

Dan qalu l-Arċisqof Charles Scicluna waqt intervista ma’ Fr Joe Borg fuq 103 Malta’s Heart dalgħodu.

Mons. Scicluna qal li ħafna qegħdin jistaqsu għaliex il-Knisja għadha qed torganizza l-quddies ta’ kuljum u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Huwa stqarr li l-fidi tippersisti, u l-Knisja qed tipprovdi servizz lil dawk fi djarhom, imċaħħdin milli jattendu dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Filwaqt li l-Knisja qed tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa, qed jirnexxilha twassal il-messaġġ t’Alla fi djar il-fidili.

Fr Joe Borg semma l-inizjattiva konġunta bejn Missio Malta u Newsbook.com.mt sabiex jaddottaw anzjan li jħossu waħdu, u l-Arċisqof qal li l-anzjani jinsabu f’dawn il-kundizzjonijiet mhux minħabba l-pandemija biss, imma din hija xi ħaġa normali għal xi wħud. Huwa ħeġġeġ lill-poplu biex isib modi kif juri mħabbtu lejn dawk li jħossuhom waħedhom, b’mod partikolari lejn l-anzjani.

L-Arċisqof qal li bit-tekonoloġija tal-lum u bl-użu tal-midja soċjali m’għandhiex tkun diffiċli li wieħed jikkuntattja lil qrabatu f’dawn iż-żminijiet.

Waqt l-intervista l-Arċisqof wassal messaġġ ta’ tama li hemm futur wara l-pandemija tal-coronavirus, u li l-bnedmin se jegħlbu din it-tbatija kollha li għaddejjin minnha. Huwa rrefera għal dak li qal il-Papa Franġisku tul il-Ġimgħa Mqaddsa, li għandna ngħożżu dawn il-mumenti u nagħmlu ġesti żgħar ta’ karità li żgur huma bżonjużi f’dawn iż-żminijiet.