Il-fidi Kattolika u l-familja tal-maratoneta

Il-familja ta' Eliud Kipchoge tiċċelebra r-rebħa tiegħu fil-Kenja

Nhar is-Sit li għadda l-atleta tal-maratoni, il-Kenjan Eluid Kipchoge, temm il-maratona f’ħin li ħadd ma basar li jista’ jinkiser.  Hu sar l-ewwel bniedem fid-dinja li għamel maratona ta’ 26.2 kilometri fi Vjenna, f’anqas minn sagħtejn, meta rnexxielu jlestiha f’siegħa, 59 minuta u 40 sekonda.

Ftit ħin wara t-tellieqa, waħdu, Kipchoge għamel dak li hu mdorri jagħmel wara kull ġirja: niżel għarkubtejh, baxxa rasu lejn l-art u għamel is-sinjal tas-Salib b’ringrazzjament talli kellu ġirja tajba.

F’pajjiżu, ħbiebu u l-familja tiegħu jgħidu li dawn il-kisbiet straordinarji tiegħu huma frott tal-fidi Kattolika soda tiegħu. Kuġinuh, Fr. Kennedy Kipchumba, qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet ACI Africa li r-rebħa ta’ kuġinuh kien “mument ta’ ferħ kbir u esklamazzjoni ta’  ‘Alla jżomm Kellmtu’.

Fr Kennedy żied jgħid: “Jien kont wieħed minn madwar 3,000 persuna li konn qed insegwu l-maratona fuq screen kbir u magħhom ilkoll spiċċajna ninkinaw biex nirringrazzjaw lil Ġesù ta’ dak li tagħna”. Wara din ir-rebħa, il-familja tal-atleta li tinkludi xi qassisin, iċċelebrat Quddiesa ta’ ringrazzjament.

Quddiesa ta’ ringrazzjament

“Kulħadd ġie l-Knisja biex jirringrazzja ‘l Alla. Għamilna quddiesa biex nirringrazzjaw ‘l Alla bħala komunità; kellna l-familja, żewġ qassisin membri tal-familja flimkien mad-Deputat Gvernatur tal-post, membri parlamentari u mexxejja lokali oħra”, qal Fr. Kipchumba.

 Eluid Kipchoge, li għandu 34 sena, twieled f’Kapsisiwa, 200 mil bogħod mill-kapitali Nairobi. Il-post jinsab qalb l-għoljiet kollhom ħdura fejn Eluid kien jiġri bħala tifel.  Illum hu jgħix ma’ martu f’belt qrib fejn twieled u trabba.

 Fil-familja tiegħu l-figura ewlenija kienet dik tal-omm li kienet preżenti wkoll għall-Quddiesa ta’ ringrazzjament. Hi meqjusa bħala appoġġ spiritwali u morali għal binha.

F’kumment lill-ġurnalisti, omma il-maratoneta qalet li hi tqum fit-3.00a.m. kuljum biex titlob għal binha u tgħid ir-Rużarju.

Għal din lil-maratona, Kipchoge telaq mill-Kenja fis-7 ta’ Ottubru, festa tal-Madonna tar-Rużarju. Qabel telaq, fil-parroċċa saret quddiesa għall-bżonnijiet tiegħu. Lejlet li telaq minn Nairobi sarlu talb speċjali fl-Università Kattolika ta’ San Pawl. “Kipcjoge għandu ħafna ħbieb f’din l-università, qal il-Kappillan, Fr Peter Kaigua.

Ispirazzjoni għaż-żgħażagħ

Kaigua ddeskriva lil dan il-maratoneta storiku bħala “ispirazzjoni għaż-żgħażagħ u bniedem umli u permezz tiegħu ż-żgħażagħ bdew jemmnu li l-ħolm tagħhom jista’ jsir realtà.

“L-università servietu spritwalment. Ir-rebħ tiegħu hu sinjal li t-talba għaż-żagħżugħ, instema”, qal il-qassis.

Meta Kipchoge temm il-maratona qal li ħassu “l-aktar bniedem ferħan li rnexxielu jagħmel il-ġirja f’anqas minn sagħtejn biex jispira nies oħra; biex juri li n-nies li ebda uman ma hu limitat u jista’ jilħaq il-miri tiegħu”.

“Issa nistenna li jkun hemm aktar atleti minn madwar id-dinja li jiġru din il-maratona f’anqas minn sagħtejn”, żied jgħid l-atleta.

Qassisin, reliġjużi u lajċi fil-Kenja faħħru lil Kipchoge bħala bniedem ta’ ispirazzjoni kbira. Kien hemm min saħanstira interpreta s-suċċess tiegħu fil-kuntest tax-Xahar Missjunarju Straordinarju li qed tiċċelebra l-Knisja bit-tema “Mgħammed u Mibgħut”.

Waqt il-Quddiesa is-saċerdot qal “Inħossni sorpriż bix-xhieda ta’ din il-fidi Kattolika! Nemmen li Alla hu ferħan jarana nagħmlu dawn l-isforzi biex nimmassimizzaw il-potenzjal tagħna. Alla żgur kien ferħan jara lil dan il-Kenjan kuraġġuż, iħeġġeġ lid-dinja kollha bit-twemmin tiegħu”.

Kipchoge qed jappella għal dinja fil-paċi fejn ilkoll ngħixu flimkien f’armonija mingħajr limiti.