Il-fidi fl-Ispirtu s-Santu hi akbar mill-biża’ li niżbaljaw

Pope Francis with nuns and delegates attending the Synod sessions

Waħda mit-temi diskussi fis-Sinodu dwar l-Amazonia kienet iċ-Ċentralità ta’ Kristu fil-missjoni tal-Knisja.  Kemm nies jafu l-Evanġelju?, staqsa wieħed mill-parteċipanti. L-Aħbar it-Tajba trid tixxandar mhux biss fl-Amazonia imma fid-dinja kollha.

Għal darb’ oħra qamet il-kwestjoni tas-saċerdoti miżżewġa, dawk magħrufa fil-Knisja bħala “viri probati”. Kien hemm min qal li n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet mhux biss fl-Amazonia jeżisti u allura għaliex għandha ssir eċċezzjoni għal dan ir-reġjun biss.

Isqof ieħor qal li hu minħabba ċ-ċelibat li s-saċerdoti huma milqugħa minn xi popli indiġeni. Id-dinja tal-lum tara ċ-ċelibat bħala l-aħħar sur li jrid jiġġarraf bil-pressjoni ta’ kultura sekulari u hedonistika. Għalhekk kien meħtieġ li ssir riflessjoni serja u attenta dwar il-valur tas-saċerdozju ċelibi.

Kien hemm min semma l-bżonn ta’ diskussjoni dwar forom ġodda ta’ saċerdozju. Jekk li l-qassisin jintbagħtu fi djoċesijiet oħra għandu jkun inkoraġġit allura għandu jkun rakkomandat ukoll li rġiel li taw prova b’ħajjithom ikunu ordnati saċerdoti. Dan ma għandux ifixkel l-għaqda fil-Knisja u anqas inaqqas mill-valur taċ-ċelibat anzi jista’ jkun pass deċisiv biex ikollna ministeru ordnat li ma jżurx biss territorju imma jkun fih u jibqa’ hemm.

Argument ieħor kien li din is-soluzzjoni ma sservix biss biex issolvi l-problema tan-nuqqas ta’ vokazzjonijiet imma biex il-Knisja jkollha identità vera tal-Amazonia u s-Sinodu seta’ jpoġġi l-pedament għal dan il-pass ‘l quddiem b’fidi fl-Ispirtu s-Santu li hi akbar mill-biża’ li nagħmlu xi żball.

L-involviment tan-nisa    

It-tema dwar in-nisa fil-Knisja reġgħet tqajjmet f’sessjoni oħra tas-Sinodu b’talba biex dawn jingħataw aktar responsabbiltà pastorali u parteċipazzjoni effettiva fil-livell fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Saret talba biex ikun studjat it-twaqqif tal-istitut tan-nisa djakni fir-reġjun tal-Amazonia.  Intqal li llum in-nisa diġà għandhom rwoli akbar mil-ħajja tal-komunità nisranija, mhux biss bħala katekisti u ommijiet, imma wkoll bħala persuni li kapaċi jieħdu ministeri ġodda.

Kien propost li  l-inklużjoni tan-nisa jista’ jkun il-bidu ta’ Knisja anqas klerikali.  Il-klerikaliżmu għadu jeżisti fil-Knisja llum u dan hu ostaklu għas-servizz u s-solidarjetà, enfasizza wieħed mill-parteċipanti.

Nisimgħu l-Ispirtu s-Santu

Is-Sinodu għandu dejjem jisma’ lill-Ispirtu s-Santu. Jekk din l-attitdni ta’ “smiegħ” tkun adottata tista’ twsssal għall-konverżjoni ekoloġika li hi meħtieġa biex tieqaf id-distruzzjoni ambjentali li qed thudded il-pjaneta.

Il-parteċipanti tas-Sinodu kienu mfakkra li l-Ħallieq fdalna l-kura tal-Amazonia u dan hu l-isbaħ u l-aktar ġnien vitali ta’ din il-pjaneta. Sfortunatament hemm ir-riskju li din il-ġenna fl-art f’infern minħabba n-nirien li qed jaqbdu fiha u li se jċaħħdu lil xi popli indiġeni mill-wirt indispensabbli tagħhom. Li nimxu flimkien ifisser li ngħixu “l-agunija” tad-dinja u nindunaw bil-vjolenza li biha qed neqirdu dan il-ġnien. Organiżazzjonijiet fl-Amazonia qed jappellaw biex indawwru l-folja biex ma naqgħux f’periklu akbar.

Lejn Knisja b’wiċċ indiġenu

Għall darb’ oħra ssemma l-bżonn li wieħed ikun il-ħin kollu attent għat-tbatija tal-popli indiġeni li għandhom dritt jeżistu fl-Amazonia. Jekk niskopru ż-żerriegħa tal-Kelma t’Alla fil-kulturi u t-tradizzjonijiet tar-reġjun inkunu qed nagħrfu li Kristu diġa’ jeżisti f’dawn in-nies. L-Evanġelju, mhux wirt esklussiv ta’ xi kultura imma ta’ kulħadd. Dan għandu jiffavorixxi l-eżisenza ta’ Knisja indiġena tal-Amazonia.

Saret proposta biex titwaqqaf struttura reġjonali biex tkompli l-momentum diġa’ maħluq bl-esperjenzi pożittivi tal-organiżazzjonijiet li nħolqu qabel is-Sinodu, flimkien ma’ dak li jrid joħroġ mis-Sinodu.

L-Isqfijiet u d-delegati semgħu bl-eżempju ta’ persuna indiġena li offriet ħajjitha lil Alla permezz ta’ ħajja reliġjuża biex b’hekk il-Knisja ħadet ukoll bixra indiġena.  Ir-reliġjużi nisa u rġiel jiġġieldu flimkien għad-drittijiet ta’ dawn il-popli. Huma jħossuhom imsejħa biex ikompli bil-formazzjoni spiritwali tagħhom u jiskopru r-rabtiet bejn il-wirt indiġenu u l-ispiritwalità nisranija. B’hekk jittamaw li jikkontribwiccu għal ekoloġija integrali li twassal għall-protezzjoni tal-bniedem u tan-natura.