“Il-Fidi ddawwal il-ħajja tal-bniedem” – L-enċiklika l-ġdida ta’ Papa Franġisku

Papa Franġisku ppubblika l-enċiklika “Lumen Fidei” magħrufa bħala l-enċiklika miktuba b’erba’ idejn.  Dan għaliex il-Papa Emeritu Benedittu XVI kien kważi lestiha qabel ma rriżenja minn Mexxej tal-Knisja fit-28 ta’ Frar li għadda.

Kif jixhed it-tiflu “Lumen Fidei – Id-dawl tal-Fidi”, l-enċiklika timxi id f’id mat-tradizzjoni tal-Knisja li minn dejjem assoċjat il-fidi mad-dawl. Fl-enċiklika Papa Franġisku jikteb ukoll kif f’dawn l-aħħar snin, “il-fidi ġiet  assoċjata mal-ħażen u d-dlam” u li fil-ħajja tal-lum hawn min jirraġuna li mhemmx aktar bżonnha.

B’kollox l-enċiklika hi twila 91 paġna, maqsuma f’erba’ kapitli u 58 paragrafu. Li s-suġġett tal-enċiklika jkun il-Fidi ma ntagħżilx b'kapriċċ.  Dan hekk kif din is-sena l-Knisja qed tiċċelebra s-Sena tal-Fidi li se tintemm fl-24 ta' Novembru li ġej.  Fil-jiem li għaddew Papa Franġisku kien qal li jkun opportun li kieku s-Sena tal-Fidi tagħlaq b'enċiklika li jkollha messaġġ qawwi dwar il-Fidi u l-evanġelizzazzjoni.

Hu evidenti li l-ewwel tliet kapitli nkitbu minn Benedittu XVI hekk kif jitrattaw l-istorja tal-Fidi Nisranija, ir-relazzjoni bejn il-fidi u r-raġuni u r-rwol li l-Knisja kellha tul is-snin fit-tixrid tal-fidi.

Ħsibijiet Papa Franġisku jinsabu fir-raba’ kapitlu hekk kif tingħata importanza dwar kif il-fidi tista’ twassal għal ġid komuni u tagħti t-tama lil batut.

Parti mill-enċiklika titratta s-sagramenti u rwol tagħhom fit-tixrid tal-Fidi. B’mod partikolari, iż-żewġ Papiet tkellmu dwar l-importanza taż-żwieġ bejn raġel u mara li jwassal għal ħolqien ta’ ħajja ġdida.

Din hi l-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja li żewġ Papiet kitbu flimkien enċiklika u dan anke minħabba li ilu 600 sena minn meta l-Knisja kellha żewġ Papiet.