Il-Fgurin għadhom ma ddeċidewx iridux il-LIDL

Is-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli qal lil Newsbook.com.mt li l-Kunsill għadu ma ħax pożizzjoni fuq l-iżvilupp ta’ stabbiliment tal-LIDL fuq is-sit li bħalissa hemm scrap yard, fi Triq id-Dejma.

Dalli qal li l-uniċi oġġezzjonijiet li jaf iqumu huma mir-residenti li joqogħdu fil-qrib, dwar kwistjonijiet ta’ storbju u parkeġġ.

Spjega kif il-ġimgħa l-oħra uffiċjal mill-kumpanija LIDL iltaqa’ mal-Kunsill u ppreżentalu pjanta tal-proġett. Riccardo Magarini, il-Kordinatur Reġjonali għall-Iżvilupp tal-kumpanija LIDL, assigura lill-Kunsill li l-pjan se jiggarantixxi spazju mdaqqas ta’ parkeġġ.

Il-Kunsill, imbagħad, iddiskuta dan il-pjan f’laqgħa nhar l-Erbgħa li għadda, iżda għadu ma ntlaħaqx qbil dwar jekk il-Kunsill japprovax jew joġġezzjonax għal dan l-istabbiliment.

Dalli qal li l-ewwel jeħtieġ li ssir laqgħa mar-residenti li joqogħdu fil-viċinanzi, sabiex dawn ileħħnu l-ħsibijiet tagħhom dwar dan. Jekk ikun hemm bżonn, il-Kunsill lest iħejji laqgħa bejn ir-residenti u l-uffiċjali tal-LIDL.

Id-diskussjonijiet għandhom ikomplu f’laqgħa tal-Kunsill li se ssir fil-25 ta’ Lulju fis-6.30pm.