Il-feti b’diżabilità għandhom jiġu mħarsa wkoll – CRPD

Il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’diżabilità qalet li m’għandhiex titwarrab il-protezzjoni tal-fetu anke f’każijiet ta’ diżabilità.
Saħqet ukoll li l-protezzjoni tal-fetu għandha tiġi msaħħa biex ikun protett f’każ li fil-futur l-abort isir legali.
Il-Kummissjoni sostniet dan fil-pożizzjoni tagħha kontra l-proposta mressqa mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, biex l-abort isir legali fejn ikun hemm problemi fil-fetu li jistgħu jwasslu biex it-tarbija titwieled b’diżabilità.
Sostniet li jekk isir hekk tinfetaħ bieba legali u dan jista’ jkun jitqies bħala ġenoċidju.
Fi stqarrija hija kkwotat l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Prevenzjoni u l-Ikkastigar tad-Delitt tal-Ġenoċidju u qalet li ġenoċidju huwa “att b’intenzjoni li jeqred grupp ta’ nies”. Stqarret li għalkemm dan ma jitkellimx direttament fuq id-diżabilità wieħed jista’ japplikah għal dan is-settur ta’ nies.
Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal diversi studji u riċerki oħra ta’ avukati u organizzazzjonijiet kemm Maltin kif ukoll barranin.
Fuq kollox hija tirreferi għal-liġijiet ta’ Malta, b’referenza għal Kapitlu 413 li jgħid li “kull bniedem għandu d-dritt għall-ħajja, id-dinjità, ir-rispett u l-integrità mentali, riproduttiva u fiżika tiegħu”. Tkompli tgħid li “l-Istat għandu jiggarantixxi dan id-dritt lill-persuni b’diżabilità, kemm qabel u anke wara t-twelid.”
Tista’ taqra l-pożizzjoni sħiħa tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’diżabilità hawnhekk: