Il-Festival ŻiguŻajg jagħlaq 10 snin

Read in English.

ŻiguŻajg: il-Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ għalaq 10 snin u għadu kemm tnieda programm diġitali kkulurit ta’ avvenimenti maħluqa minn artisti f’Malta. Il-programm tnieda lbieraħ fi Spazju Kreattiv waqt konferenza stampa mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai, id-Direttur Artistiku tal-Festival ŻiguŻajg Marta Vella u l-Eżekuttiv tal-Produzzjoni André Mangion.

Il-Ministru Herrera ddikjara li, “bl-ostakli li ġabet magħha l-pandemija Covid-19, il-ħtieġa li jsir ŻiguŻajg inħasset aktar, bħalma kien l-impenn tagħna li naraw li jittella’. Dan seta’ jsir grazzi għall-possibilitajiet meraviljużi tat-teknoloġija u r-realtà virtwali, li permezz tagħhom stajna nwasslu produzzjonijiet tal-ogħla kwalità, u b’hekk nilħqu l-għan ewlieni ta’ dan il-festival.”

Id-direttriċi Marta Vella saħqet li din kienet sena mimlija sfidi għall-festival, li hu l-ewwel wieħed għad-direttriċi żagħżugħa, meta bdiet dan il-vjaġġ kważi sena ilu. “Dan bl-ebda mod ma kien il-festival tipiku ta’ ŻiguŻajg. Is-sitt xhur li għaddew qattajniehom naħsbu f’kull mod possibbli biex dan il-festival isir permezz ta’ pjattaformi li ma jkunux jistgħu jixxekklu mill-pandemija li dejjem qed tkompli tiżviluppa. F’xahrejn, irrekordjajna ’l fuq minn 100 siegħa ta’ filmati fl-istudio, li se jagħmlu parti minn programm impressjonanti magħmul minn 10 produzzjonijiet ikkummissjonati lokalment bl-intenzjoni li nżommu lill-artisti tagħna jaħdmu, waqt li niżguraw li l-festival jitgawda bla periklu mill-udjenzi tagħna mid-dar u mill-iskola,” temmet tgħid Vella, li ngħaqdet għall-konferenza b’mod virtwali waqt li tinsab f’lockdown f’Londra.

It-tim kollu ta’ dan il-festival stinka sabiex joħloq bilanċ bejn eċċellenza artistika, kif ukoll aċċessibilità finanzjarja u fiżika meta kien qed jingħaqad dan il-programm. Din se tkun l-ewwel sena li l-biljetti se jinbiegħu għal €7 għall-familja kollha, li jfisser li familja sħiħa tista’ tibbenefika minn biljett wieħed ta’ €7 u tgawdi l-ispettaklu preferut tagħha virtwalment mis-sigurtà u l-kumdità ta’ darha stess.

Ic-Chairman Rupert Cefai qal, “Dan hu l-10 festival ta’ ŻiguŻajg li Fondazzjoni Kreattività qed torganizza, u għalkemm iċ-ċelebrazzjonijiet li kienu pjanati mhux ħa jseħħu, xorta ħa nkunu qed niċċelebraw l-aktar ħaġa importanti, l-arti maħluqa għat-tfal. Inbidlu ħafna affarijiet dwar kif qed naħdmu, imma mhux l-iskop ta’ dan il-festival, anzi, ironikament, din hi okkażjoni biex nilħqu udjenzi akbar permezz tal-pjattaformi diġitali.”

ŻiguŻajg se jagħmel użu minn pjattaforma ġdida ta’ streaming online u TikTok biex jagħti ħajja lil dan il-festival, ħlief għall-koproduzzjoni oriġinali ta’ teatru DIY ma’ Teatru Malta, li se tittella’ esklussivament fl-iskejjel madwar il-gżira; u l-produzzjoni ta’ Jacob Piccinino u Lee-N Abela, li se tittella’ live fil-Valletta Campus Theatre b’distanzja soċjali adegwata.

Il-programm inħadem ma’ bosta entitajiet kulturali, kumpaniji lokali u ’l fuq minn 50 artist. Teatru Manoel se jkunu qed jipproduċu l-ewwel jukebox b’opri tat-tfal għall-festival. Barra minn hekk, bħalissa t-tim qed jaħdem biex jiffinalizza dokumentarju speċjali li jfakkar l-10 anniversarju tal-festival u li għandu jinħareġ f’Novembru.

ŻiguŻajg se jsir bejn l-20 u d-29 ta’ Novembru 2020. Biljetti jistgħu jinxtraw minn issa. Għal aktar informazzjoni u xiri tal-biljetti, wieħed jista’ jżur www.ziguzajg.org.

Ritratt: Kevin Abela / DOI

Dan it-tagħrif twassal mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, L-Arti u l-Gvern Lokali.