Il-Festival tar-Rebbiegħa qalb kuluri u għasafar, u f’post mill-aqwa

Bosta huma dawk li daż-żmien iħobbuh, għax fih in-natura tistenbaħ mir-raqda xitwija, u tgħaxxaq bil-kuluri u t-tjubija tagħha. Huwa fuq dawn il-linji li Din l-Art Ħelwa se żżomm l-appuntament tagħha mal-pubbliku bil-Festival tar-Rebbiegħa, li se jsir nhar il-Ħadd 7 ta’ Mejju.
Jikkumplimenta l-avveniment, hemm il-post innifsu fejn se jsir, jiġifieri l-Ġnien tal-Bastjun il-Furjana, ġnien ikkunsidrat min-National Geographic Intelligent Travel Blog bħala wieħed mill-isbaħ ċimiterji storiċi fl-Ewropa.
Fi stqarrija, l-organizzazzjoni qalet li fost affarijiet oħra, se jkun hemm nies lebsin ta’ żmien il-Franċiżi, pajżana kif ukoll oħrajn bi lbies militari.
Għad-dilettanti tal-għasafar, il-Falcon Club ta’ Malta se teżebixxi l-għasafar tagħha.
Ikun hemm ukoll ikel, xorb, u għat-tfal attivitajiet oħra bħal face painting  u kastell minfugħ fejn jistgħu jilagħbu.
Id-dħul huwa ta’ €2, u tfal taħt it-12-il sena jidħlu b’xejn.
L-attività tibda fl-10am u tispiċċa fit-3pm.