Il-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta reġa’ magħna

Joseph Agius Attard

Din is-sena l-avveniment tant mistenni, il-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta (MIAF) – li se jsir bejn it-28 ta’ Ġunju u l-14 ta’ Lulju – se joffri firxa wiesgħa ta’ avvenimenti kulturali affaxxinanti u pjaċevoli, minn kunċerti mużikali brillanti sa rappreżentazzjonijiet taż-żfin u xogħlijiet teatrali spettakolari.

Madankollu, l-attrazzjoni ewlenija ta’ din is-sena hija l-‘Fernandes’, bastiment tal-qlugħ Tork li se jittrasforma ruħu f’palk f’wiċċ il-baħar – u li fuqu se jittellgħu numru sabiħ ta’ rappreżentazzjonijiet.

Joseph Agius Attard

Annabelle Stivala, direttur ta’ Festivals Malta, qalet li din is-sena l-festival tal-arti huwa wieħed speċjali. “Il-MIAF huwa wkoll l-itwal festival li għandna taħt idejna, u ninsabu ħerqana ħafna li se jerġa’ jkun magħna dalwaqt – speċjalment bil-programm tant eċitanti li qed jitħejja għall-udjenzi tagħna.”

“Għalija din hija avventura u vjaġġ b’ħafna sfidi,” qal id-direttur artistiku Ruben Zahra minn fuq il-‘Fernandes’ waqt it-tnedija tal-programm tal-festival. “Waħda mill-prijoritajiet fil-viżjoni tiegħi għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival tal-arti hija li mhux biss nippreżentaw programm ta’ eċċellenza artistika, iżda li noħolqu esperjenza unika f’kuntest lokali.”

Fil-fatt, l-udjenzi se jkunu jistgħu jgawdu tmien produzzjonijiet f’seba’ lokalitajiet madwar Malta: Marsaxlokk, Marsaskala, l-Isla, il-Kalkara, Tas-Sliema, San Ġiljan u l-Belt Valletta. Intant, it-tim tal-MIAF qed jaħdem id f’id mal-kunsilli lokali sabiex jinvolvu udjenzi ġodda, filwaqt li jintuża l-baħar Mediterran bħala palk u sfond.

“L-artisti li se jipparteċipaw fil-festival tal-arti se jagħtu l-wirjiet tagħhom minn fuq dan il-palk meraviljuż fuq l-ilma, waqt li l-pubbliku se jkun qed isegwi l-produzzjoni minn fuq ix-xatt,” spjega Zahra.

Joseph Agius

Min-naħa l-oħra,  l-udjenza se tkun fuq il-‘Fernandes’ għall proġett ieħor tal-festival, imsejjaħ ‘Harbour Odyssey’. Dan huwa vjaġġ madwar il-Port il-Kbir fi nżul ix-xemx b’narrattiva ispirata mill-istorja u l-leġġendi, akkumpanjata minn mużiċisti u atturi.

“Bl-istess mod li l-baħar se jservi bħala palk għall-MIAF, it-Tempji Neolitiċi ta’ Ħaġar Qim se jkunu l-isfond għal żewġ produzzjonijiet li se jittellgħu f’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta,” żied jgħid Zahra. “Dan hu eżempju ieħor ta’ kif il-festival tal-arti mhux qed joffri sempliċement spettaklu taż-żfin jew kunċert, iżda esperjenza unika li tivvalorizza tassew l-identità kulturali tagħna.”

It-tim tal-MIAF qed jaħdem mill-qrib ma’ numru ta’ organizzazzjonijiet bi tħejjija għall-festival, fosthom Teatru Malta, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, Żfin Malta, Spazju Kreattiv, iċ-Ċentru Kulturali Ċiniż, il-British Council u l-Ambaxxata ta’ Iżrael fost oħrajn.

Il-biljetti jistgħu jinkisbu onlajn minn kultura.mt. Għal aktar informazzjoni u aġġornamenti dwar il-programm tal-avvenimenti, jekk jogħġbok żur www.festivals.mt/miaf u https://www.facebook.com/MaltaArtsFestival/