Il-festi pubbliċi jistgħu jitmexxew biex ikollna weekends twal – AD

Iċ-Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika Arnold Cassola sostna li aħjar il-Gvern jikkonċentra fuq proġetti bħal servizz ta’ kuljum ta’ katamaran bejn l-Imġarr u l-Belt Valletta, milli nitkellmu fl-arja fuq proġetti bħal dak ta’ mina bejn Malta u Għawdex.
Waqt iż-żjara tiegħu fuq il-Kampus tal-Università hekk kif illum beda l-Gozo Week, il-Prof. Cassola qal li Alternattiva Demokratika tipproponi li tiġi mwessa’ l-inizjattiva li tħeġġeġ it-turiżmu ta’ tmiem il-ġimgħa lejn Għawdex.
Żied jgħid li ċerti btajjel li jaqgħu matul il-ġimgħa jistgħu jitmexxew għall-Ġimgħa jew it-Tnejn biex jinħolqu aktar weekends twal. Sostna li mbagħad it-tariffi tal-passiġġieri fuq il-Gozo Channel ikunu jistgħu jiġu ssusidjati.
Qal ukoll li l-użu tat-trasport pubbliku f’Għawdex f’dawn il-weekends jista’ jkun b’xejn biex in-nies jiġu mħajra jħallu l-karozza d-dar.
Sostna li ma jagħmilx sens li jinbnew qrati ġodda f’Għawdex f’wieħed mill-ftit spazji miftuħa li fadal f’nofs ir-Rabat. Żied jgħid li dan se jkompli jżid il-konġestjoni tat-traffiku li diġà teżisti, meta hemm kumpless sħiħ abbandunat fix-Xewkija jibki biex jiġi żviluppat.