Il-festi minn perspettiva differenti fil-Parlament

Fil-Parlament qed tittella’ wirja tal-fotografu Sebio Aquilina bit-tema: Il-Festi Maltin minn ġol-lenti.
Din qed tittella’ fis-70 anniversarju mit-Twaqqif tal-Għaqda Każini tal-Banda, fl-1947.
Waqt id-diskors tiegħu, l-Ispeaker faħħar l-idea ta’ Mikiel Anġ Delia, l-ewwel President tal-Għaqda Każini tal-Banda, biex il-baned jingħaqdu f’assoċjazzjoni waħda u flimkien jippromwovu s-sehem tagħhom fis-soċjetà.
Iddeskriva l-Każini tal-Banda bħala skola ta’ mużika, fejn permezz tat-tagħlim tal-mużika tissawwar il-personalità tal-persuna umana.
Faħħar il-fatt li l-Każin jiġbor flimkien kemm is-soċji u l-qraba tagħhom, u l-ħbieb tagħhom u għalhekk qieshom bħala ċentri soċjali fil-bliet u rħula Maltin u Għawdxin. 
Minkejja dan innota wkoll il-pika li tqum bejn każin u ieħor u saħaq li għalkemm kull każin hu marbut mat-twemmin reliġjuż, il-pika ma tistax titqies bħala mnebbħa minn virtujiet Insara.
Iżda xorta waħda saħaq li l-Każin jista’ jwassal biex jissaħħu l-valuri soċjali u reliġjużi li fi kliemu tant huma meħtieġa f’ħajjitna.
Huwa feraħ lill-Avukat Noel Camilleri, President tal-Għaqda Każini tal-Banda fl-għeluq is-70 sena mit-twaqqif tal-Għaqda Każini tal-Banda.
Il-pubbliku jista’ jżur il-Wirja Fotografika ta’ Sebio Aquilina, Il-Festi Maltin minn ġol-Lenti, fl-intrata tal-Parlament sal-Ħadd, 10 ta’ Diċembru 2017.  Ħinijiet tal-ftuħ, matul il-ġimgħa bejn 09.00 ta’ filgħodu u l-17.00 ta’ wara nofsinhar, Sibtijiet u Ħdud bejn 09.00 ta’ filgħodu u nofsinhar.
Ritratti: SPK