“Il-festi Maltin għandhom isiru wirt dinji intanġibbli” – PD

Il-Partit Demokratiku nnota li l-bord ta’ selezzjoni naqas milli jaċċetta r-rakkomandazzjoni sabiex il-festa Maltija tiġi kkunsidrata bħala wirt dinji intanġibbli mill-UNESCO.

Dan qalu fi stqarrija fejn laqgħu ukoll l-inizjattivi meħuda mill-Ministeru għall-Kultura biex l-għana u l-ftira jieħdu r-rikonoxximent mistħoqq.

Fl-istqarrija insista li l-festi huma parti integrali mill-kultura Maltija. Sostna li kull festa differenti hija awtentika, komunitarja, tinkludi dimenzjoni soċjali u kulturali u toħroġ bis-sħiħ it-tradizzjonijiet ta’ devozzjoni popolari u ritwali Kattoliċi.

Sostna li jekk l-esperti ma apprezzawx il-wirt soċio-kulturali tal-festi, il-bord tal-għażla kien fi dmir li jikkonsulta mal-kumitat preċedenti appuntat mill-Ministeru jew inkella jiġi magħżul aspett partikolari tal-festi bħal, per eżempju, id-dekorazzjonijiet fit-toroq.