Il-festi magħna… ingawduhom!

L-antiki kienu jgħidu li Ġunju ġunjett, neħħi l-qmis u d-dublett!  Ara ma tagħmlux xi waħda u tisimgħu minnhom!  U dan bla dubju jfisser li tkun bdiet is-sħana u mat-temp sabiħ ifiġġu fuqna l-festi.  Naturalment din is-sena se jkollna festi b’differenza għaliex bl-imxija tal-coronavirus ma’ saqajna, idejna jinsabu marbuta u ma nistgħux ingawdu l-festi bħas-snin l-imgħoddija.  Imma l-Knisja xorta waħda tfakkar il-qaddis titulari tagħha ’l ġewwa mill-għatba tat-tempju u allura ċertu ferħ jinħass ukoll.   Barra minn hekk illum il-ġurnata bil-mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali li għandna, nistgħu ngawdu dak kollu li jkun qed isir fil-knisja u allura n-Novena, il-Jiem tat-Tridu, lejliet il-festa, il-Pontifikal tal-Ħadd filgħodu, kollha jistgħu jitgawdew bil-kumdità għax wara kollox, l-essenjal tal-festa hemm qiegħed. Veru li se jkun hemm differenza għax in-nies ma tistax tiltaqa’ u tifraħ flimkien, in-nuqqas tal-marċijiet, it-tlielaq tal-bhejjem, fejn isiru,  il-briju, il-Wirja Agrarja fil-Ġonna Pubbliċi ta’ Villa Rundle, iġ-ġigġifogu u n-nar tal-ajru, kunċerti fil-knejjes, dawn kollha taru mar-riħ.  Jiena nissuġġerixxi lill-gruppi tal-armar fi ħdan il-parroċċi tagħna biex dawn tal-inqas jarmaw il-Pjazza tal-knisja (kif sar f’Ħal Tarxien fil-festa tal-Lunzjata) għax kull parroċċa għandha ħafna armar sabiħ; dan joħloq atmosfera sabiħa u jnissel hena u allegrija u kull min għandu xi festun inħeġġu jixegħlu f’Jum il-festa tal-Patrun/a kif ukoll itella’ l-bandiera fuq il-bejt.  Mill-mitluf tieħu li tista’ jgħid il-qawl biex hekk is-sajf tagħna ma jirrendix ruħu biss ħinijiet twal fil-bajjiet tagħna.  B’hekk ma naħsibx li nkunu qed niksru xi regolamenti u allura din il-pesta li barra minn xutna kaxkret tant nies lejn il-qabar, ma tkomplix tippersisti.

L-ewwel festa dik ta’ San Pawl nawfraġju fil-Munxar, (għax tgħid smajna xi żewġ murtali tal-bomba l-Ħadd 24 ta’ Mejju qabel raxx id-dlam) diġà ġiet u marret u issa Ħadd wara Ħadd, fl-aħħar tasal ta’ kulħadd. It-tieni festa fil-Kalendarju tal-festi Għawdxin hija dik ta’ Sant’Antnin Ta’ Padova li l-Patrijiet ta’ Gieżu jfakkru f’Għajnsielem u l-Ħadd ta’ wara, is-7 ta’ Ġunju, barra t-tifkira ta’ din il-festa Nazzjonali tas-Sette Giugno,  fl-Għasri jkollna l-festa tal-Corpus Christi u kieku din is-sena konna naraw xi żewġ bandalori ġodda jperpru fil-pjazza tal-knisja li tħobb tpinġi l-artista Audrey Mercieca minn Ħal Luqa imma miżżewġa lill-dentist Għawdxi wild dan ir-raħal, li naf li huwa benefattur ta’ din il-parroċċa mhux daqstant kbira.

Is-Sibt 13 ta’ Ġunju l-Patrijiet Franġiskani fil-Victoria jfakkru l-festa tat-Tawmaturgu Sant Antnin ta’ Padova, il-qaddis tal-mirakli. Għall-Kappillan il-ġdid il-Kan. Dun Simon Cachia, fil-Fontana ddedikata lill-Qalb ta’ Ġesù din kienet se tkun l-ewwel festa tiegħu imma se jkollu jistenna sena oħra biex narawh imexxi l-Purċissjoni bl-istatwa kapolavur ta’ Wistin Camilleri. 

Il-Ħadd 14 ta’ Ġunju ssir il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù fin-Nadur fil-Knisja ta’ Karkanja u l-Ħadd ta’ wara kieku konna mmorru x-Xewkija għall-festa tal-Battista.  

It-Tnejn  22 ta’ Ġunju nagħmlu t-tifkira tas-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu lit-twajba Karmni Grima u t-Tnejn 29 tax-xahar taħbat il-festa tal-Imnarja fin-Nadur.  Il-Ħadd 5 ta’ Lulju kont inħobb nidħol sal-Għarb għall-festa tal-Viżitazzjoni u naf li l-Banda tar-raħal xorta qedtħejji pubblikazzjoni tal-festa għax b’xi mod is-Sindku u President tal-Banda, ċappasni fiha.

Ikun imiss il-festa tal-Madonna tas-Sokkors  f’Ta’ Kerċem u fit-tielet Ħadd ta’ Lulju, ir-Rabat ifakkar lil San Ġorġ Megalomartri.

F’Ta’ Ħamet ukoll issir il-festa ħelwa lill-Madonna tal-Karmnu l-Ħamis 16 ta’ Lulju.

Wara San Gorġ tiġi l-festa lil Santa Margerita f’Ta’ Sannat u fid-29 tal-istess xahar Monsinjur Giovanni Cremona jfakkar lil Santa Martha fil-knisja ħelwa tagħha magħrufa bħala ‘Tal-Għonq’.  Fl-ewwel Ħadd ta’ Awwissu l-Qalin jagħmlu l-festa lill-Patrijarka San Ġużepp u l-Ħadd ta’ wara 9 ta’ Awwissu, naqsmu lil Għawdex u mmorru nifirħu mal-parruċċani ta’ San Lawrenz Levita u Martri. Bla dubju tuġgħu qalbu s-Sindku ħabrieki t’hawnhekk li ta’ kull sena jorganizza ġimgħa sħiħa ta’ attivitajiet kulturali u divertenti bi thejjija għall-festa.  Imma dis-sena mhemmx x’tagħmel la dan il-virus irid hekk!

Ikunu diġà tgerrbu nofs il-festi meta  mmorru għall-festa li jmiss, dik tas-Sibt 15 ta’ Awwissu li  ssir fil-Belt Victoria waqt li f’Malta din l-unika festa ssir f’għadd ta’ bnadi oħra.  Mhux hekk jixirqilha lill-Assunta!

Fit-23 ta’ Awwissu fiż-Żebbuġ ukoll issir il-festa f’ġieħ l-Assunta u l-Ħadd ta’ wara ninżlu minn hawnhekk, naqsmu r-Rabat u mmorru għall-festa tal-Madonna Ta’ Loretu  f’Għajnsielem. 

Il-Ħadd 6 ta’ Settembru ninżlu sax-Xlendi għall-festa ħelwa tal-Madonna tal-Karmnu u jumejn wara nitilgħu x-Xagħra għall-festa popolari tal-Bambina. 

L-aħħar festa fil-kalendarju tal-festi Għawdxin teħodna għand l-irħieb Kapuċċini qabel taqbad it-triq lejn Marsalforn għall-festa tal-Madonna tal-Grazzja fejn issa nsibu Gwardjan ġdid u ħabrieki, devot sewwa ta’ Padre Pio, li kien diġà midħla ta’ dan il-kunvent.

Biex ikollkom stampa ċara ta’ x’jibqa’ sal-aħħar tas-sena, inżid ngħidilkom minn tagħrif li ksibt mill-Kurja ta’ Għawdex, li l-Ħadd 27 ta’ Settembru, fix-Xagħra fix-xaqliba msejħa tan-Nazzarenu, il-parruċċani jagħmlu l-festa lil Ġesù Nazzarenu u l-Ħadd l-1 ta’ Ottubru, il-Kappillan tal-Għasri jagħmel il-festa lill-Madonna tal-Patroċinju fil-Kappella antika tagħha fil-periferija tal-Għasri.

L-istilla tal-Maltemp, l-Immakulata Kunċizzjoni ssir kemm fil-Belt Victoria mill-Patrijiet Franġiskani kif ukoll fis-Santwarju qadim tagħha fil-Qala fit-8 ta’ Diċembru.  L-aħħar festa, forsi sa dakinhar tkun battiet din il-pesta, issir lil Santa Luċija fl-irħajjel li jġib isimha u forsi jkollna l-okkażjoni nisimgħu n-noti ferrieħa tal-Banda Cittadina Leone li tieħu sehem attiv f’din il-festa ħelwa fejn insibu Rettur lill-Monsinjur Pawlu Cardona li għal fuq minn 30 sena ħadem fil-Belt Eterna sakemm l-Isqof Monsinjur Mario Grech kien sejjaħlu lura bħala Arċipriet tal-Knisja Bażilika ta’ San Gorġ.

B’hekk, għal min iħobb il-festi bħali, tajtkom stampa ċara tal-festi li jżewqu is-sajf Għawdxi.  Jalla kif għedna dan il-virus ikun batta sew biex forsi jkollna l-okkażjoni nieħdu sehem f’xi pellegrinaġġ b’xi statwa titulari!