Il-festi, l-embrijuni u l-Isqof Elett

Illum in-Nunzju Appostoliku se jħabbar li Mons. Joseph Galea-Curmi se jinħatar Isqof Awżiljarju ta’ Malta mill-Papa Franġisku.

Fl-aħħar tliet snin bħala Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’  Malta, Mons. Galea-Curmi ħa pożizzjoni fuq diversi suġġetti li kienu qed jiddominaw l-aħbarijiet fil-pajjiż.

Fl-aħħar jiem, waqt omelija fil-Festa tal-Madonna tal-Abbandunati fil-Wardija, Mons. Galea-Curmi kien stqarr li huwa ta’ niket, li ma’ dawk abbandunati, minn hawn u ftit ieħor, se jiżdiedu “dawk il-ħajjiet umani ffriżati għal snin twal, li forsi xi darba tmisshom ix-xorti li jiġu aċċettati minflok skartati”.

F’Mejju li għadda, il-Vigarju ħareġ ċirkolari fejn fakkar li hu pprojbit li jsir ħruq tan-nar minn fuq il-knejjes jew minn proprjetà tal-Knisja, mingħajr eċċezzjonijiet.

Tkellem ukoll fuq l-ambjent, fejn f’Ottubru wissa dwar ir-relazzjoni tal-bniedem man-natura, li fi kliemu m’għadhiex waħda ta’ fraternità u sbuħija. Semma lil San Ġiljan bħala eżempju ta’ lokalità li spiċċat kummerċjalizzata u sfruttata għall-benefiċċju tal-ftit.

Is-sena li għaddiet, waqt programm fuq RTK 103FM, il-Vigarju qal li l-opinjoni tal-Kummissjoni tal-Gvern Awstraljan, li temmen li s-sigriet tal-Qrar għandu jinkiser f’każ ta’ abbuż tat-tfal, hi eżatt il-kontra ta’ dak li temmen fih il-Knisja Kattolika madwar id-dinja.

Dwar l-istħarriġ tal-MISCO kkummisjonat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta fejn irriżulta li tnejn minn kull ħames Maltin jipparteċipaw fil-Quddiesa kull nhar ta’ Ħadd, Mons. Galea-Curmi kien irrimarka li l-Knisja għandha tmur tiltaqa’ ma’ dawk li ma jmorrux quddies.

Fil-Bidu tas-Sena Forensi f’Ottubru 2017, il-Vigarju kien saħaq li l-ġustizzja ma għandhiex tħares lejn l-uċuħ jew inkella tkun ikkundizzjonata minn nies li għandhom xi tip ta’ poter.

Segwi LIVE l-konferenza tal-aħbarijiet mill-Imdina fuq Newsbook.com.mt