Jinħarġu direttivi ġodda dwar il-festi

Aġġornat 11:25 AM

L-Arċidjoċesi ta’ Malta, illum wara nofsinhar ippubblikat id-direttivi ta’ kif se jiġu ċċelebrati l-festi mill-parroċċi matul dan is-sajf. Ġew identifikati tlett prinċipji li għandhom jigwidaw dawn iċ-ċelebrazzjonijiet fost l-oħrajn, aktar minn snin oħra, din is-sena trid tingħata prijorità lis-solidarjetà ma’ min hu fil-bżonn.

Wara li fl-24 ta’ Marzu, l-isqfijiet ta’ Malta u Għawdex ħarġu ċirkorali dwar il-festi, illum l-Arċidjoċesi ta’ Malta ippubblikat id-direttivi dwar kif dawn se jiġu applikati u jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2020 u huma validi għal din is-sena biss.

Id-dokument huwa bbażat fuq tlett prinċipji:

  • li l-poplu Nisrani jrodd ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħna, speċjalment f’din is‑sena li kienet karatterizzata minn pandemija;
  • li tissaħħaħ is-sens ta’ għaqda fil-kommunitajiet Insara;
  • u li tingħata importanza speċjali lill-prinċipju tas-solidarjetà billi ssir enfasi aktar mis-soltu fuq l-għajnuna li l-Knisja toffri lill-persuni fil-bżonn.

Id-direttivi qegħdin itennu dak li kien diġà ħareġ fiċ-ċirkolari u ċioè li: jkun hemm Quddiesa Solenni u pellegrinaġġ mat-toroq tal-belt/raħal, fid-data tal-festa liturġika jew fil-Ħadd li ssoltu tkun iċċelebrata l-festa fix-xhur tas-sajf. Il-pellegrinaġġ, li huwa mixja ta’ fidi, ser jkun karaterizzat minn talb parteċipattiv u jista’ jinkludi s-sehem ta’ baned li jakkumpanjaw it-talb b’innijiet reliġjużi. Il-każini tal-baned marbuta ma’ dik il-festa se jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-pelleġrinaġġ.

Minbarra l-festi fl-irħula u l-ibliet, fl-14 ta’ Settembru se jiġi organizzat pellegrinaġġ djoċesan ta’ radd il-ħajr lil Alla mmexxi mill-Arcisqof Charles Scicluna, bix-xbieha devozzjonali ta’ Kurċifiss meqjum fil-Knisja ta’ Ġieżu, il-Belt Valletta.

Dawn id-direttivi jikkonfermaw li dawk il-festi li jiġu ċċelebrati fix-xahar ta’ Ġunju se tinstab ġurnata alternattiva, filwaqt li ġew sospiżi l-kuntratti u l-ftehim li jirregolaw il-festi fil-bliet u l-irħula.

Min-naħa tagħhom l-isqfijiet appellaw għal maturità u l-kooperazzjoni ta’ dawk kollha nvoluti, dan sabiex il‑festa tagħti ġieħ lill‑qaddisin protetturi tagħna u tkun verament espressjoni ta’ radd il-ħajr lil Alla.

Fi stqarrija, l-Għaqda Każini tal-Banda esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-konsultazzjoni miftuħa li kellha mal-Arċisqof u mal-Kulleġġ tal-Kappillani. Qalet li fil-jiem li ġejjin, se tippubblika d-direttivi tagħha dwar kif is-soċjetajiet mużikali għandhom jgħaqqdu l-banda tagħhom, peress li temmen li mhuwiex għaqli li jsir pjanar biex il-festi jsiru kif kienu jsiru normalment.

Ara dawn id-direttivi fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta knisja.mt.

Rappurtaġġ addizzjonali: Sephora Francalanza