“Il-festi saru iktar teatru milli talba” – L-Isqof Grech

Read in English.

L-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech f’omelija fl-okkażjoni tal-ordinazjoni presbiterali ta’ djaknu qal li l-festi saru aktar teatru milli talba.

Mons. Grech semma wkoll li l-importanza tal-flus qed tieħu preċedenza fuq kull ħaġa oħra.  Huwa spjega kif din il-ġirja qed timla l-bwiet iżda qed tħalli l-vittmi.

L-Isqof Grech sostna li l-kilba għall-ġid ġabitna bla skrupli u rmejna kull kriterju ta’ x’inhu tajjeb u x’mhux. Kollox sar jgħaddi, ilmenta l-Isqof t’Għawdex, u sirna nagħtu l-impressjoni li għall-flus is-soċjetà lesta li tagħmel kollox, anki tbigħ ruħha.

Quddiem dawn it-tentazzjonijiet l-Isqof Grech, appella lin-Nisrani biex ma jċedix u jinġarr mal-kurrent, iżda jagħmel bħal Marija meta wieġbet “Hawn jien” minkejja kollox.

Mons. Grech semma li s-saċerdozju mhux xi proposta ħafifa, imma wieħed ma għandux jaqta’ qalbu iżda jfittex li jgħin lill-poplu ta’ Alla biex jimxi fit-triq tal-qdusija. L-Isqof spjega li bħas-Samaritan, is-saċerdot għandu jieqaf u jagħti widen lill-batut u lill-imwarrab.