Il-festa tat-Twelid tal-Madonna dikjarata festa pubblika fil-Filippini

Il-President Rodrigo Duterte f’jum l-Assunta ffirma liġi biex nhar it-8 ta’ Settembru festa tat-Twelid tal-Madonna, tkun dikjarata Vakanza Nazzjonali mix-Xogħol, fil-Filippini.

Din kienet it-tieni darba  li festa tal-Madonna kienet dikjarata bħala vakanza nazzjonali fil-Filippini wara li fl-2017, kienet il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, fit-8 ta’ Diċembru, li kienet dikjarata vakanza pubblika.

Rabta mal-Madonna

Il-Filippini dejjem kellhom rabta mal-Madonna tant li f’Settembru tal-1942, il-Papa Piju XII kien iddikjara lill-Madonna bħala patrun nazzjonali ta’ dan il-pajjiż.

Rapport tal-aġenzija CRUX jgħid li l-President Duterte kien kwotat mill-gazzetta “Manila Times” li ddeskriva lil Madonna  bħala mara “altruista“ meta aċċettat l-istedina biex tkun Omm Ġesù “biex ikun jista’ jitwettaq il-pjan tas-salvazzjoni”.

Duterte li spiss kellu kliem u kritika ħarxa għall-Isqfijiet ta’ pajjiżu, sejjaħ lill-Madonna bħala “il-qofol tal-fidi u sors ta’ ispirazzjoni” għal ħafna nsara, speċjalment fi żminijiet diffiċli.

Kemm ilu li ħa l-poter fl-2016 kien kritiku ħafna għall-mexxejja tal-Knisja f’pajjiżu, l-aktar minħabba l-kundanna tagħhom għall-gwerra tiegħu kontra t-traffikanti tad-droga li ħalliet eluf ta’ nies maqtula u għall-isforzi tiegħuli jerġa’ jdaħħal fil-pajjiż il-piena tal-mewt.

Kummenti ħorox fuq il-mexxejja Kattoliċi

Il-President ħafna drabi kellu kummenti ħorox ħafna għall-Kattoliċi f’pajjiżu li darba qal li l-Isqfijiet huma “ħmir li m’huma tajba għal xejn” u kien hemm okkażżjoni li hedded li joqtol saċerdoti li jabbużaw.

Il-festa tat-Twelid tal-Madonna ilha tkun ċelebrata mill-Kattoliċi sa mill-bidu tas-seklu 6 u hi waħda mill-eqdem festi Marjani fil-kalendarju liturġiku.

Aktarx minħabba t-tensjoni bejn Duterte u l-Isqfijiet, l-aħbar ta’ din il-vakanza ġdida, filwaqt li ngħatat importanza fil-media, ftit li xejn kien hemm reazjoni mill-Isqfijiet ħlief għal Fr. Melvin Castro, Kanċillier tad-djoċesi  ta’ Tarlac, faħħar id-deċiżjoni ta’ Duterte u qal li “din il-vakanza Marjana hi okkażżjoni ta’ ferħ”.

Hu qal li d-dikjarazzjoni li l-festa tat-Twelid tal-Madonna hi vakanza nazzjonali hu “rikonoxximent tal-importanza taċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi u spiritwali u wera t-tama li din iċ-ċelebrazzjoni tispira lill-poplu biex “jikkopja u jimita l-virtujiet tal-Madonna”.