Il-festa tar-Reġina: Id-debutt ta’ Meghan Markle fil-gallarija … imma fit-tieni ringiela

Tliet ġimgħat mit-tieġ irjali, id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex, il-Prinċep Harry u Meghan Markle, reġgħu lura flimkien fit-toroq ta’ Londra iżda din id-darba minħabba l-parata Trooping the Colour, l-attività li għal aktar minn 270 sena tiġi ċċelebrata fit-tieni Sibt ta’ Ġunju u tfakkar uffiċjalment għeluq snin il-mexxej rjali.
Għeluq snin ir-Reġina Eliżabetta, li f’April li għadda għalqet 92 sena, ġie ċċelebrat bi sfilata ta’ 1,200 suldat irjali mill-Palazz ta’ Buckingham sal-Mall.
Għal din l-attività kien hemm preżenti l-membri kollha tal-familja rjali, ħlief il-Prinċep Filippu, li rtira mill-ħajja pubblika minħabba saħtu, kif ukoll iċ-ċkejken Louis, l-aħħar wild ta’ William u Kate.
Iżda għajnejn kulħadd kienu fuq il-koppja ġdida, Harry u Meghan. Din kienet l-ewwel darba li Markle rifset fuq il-gallarija ewlenija tal-Palazz ta’ Buckingham iżda postha ma kienx fir-ringiela ta’ quddiem. L-ewwel ringiela kienet irriservata għar-reġinha, għal binha, u għal William, Kate u t-tfal. Il-Prinċep Harry u martu kellhom jikkuntentaw bit-tieni ringiela.