Il-festa annwali ta’ Sant’Anton Abbati li tiġi ċċelebrata kull Jannar fejn jiġu mbierka l-annimali, din is-sena se tkun waħda ristretta.
Tkellimna ma’ Silvan Bonello, membru fil-kumitat tal-festa ta’ Sant Anton, fejn spjega fid-dettall dwar il-programm tal-festa ta’ din is-sena.
Se tkun qiegħda ssir konċelebrazzjoni Solenni mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, il-Ħadd 17 ta’ Jannar fil-Bażilka tax-Xagħra.
Ir-Rettur tal-knisja ta’ Sant’Anton Dun Michael Galea spjega li din is-sena, minħabba l-pandemija tal-Covid-19, il-festa se tkun ċelebrata b’ responsabbilità u solidarjetà. Huwa spjega li se jkunu responsabbli lejn is-saħħa ta’ xulxin billi jobdu direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u juru solidarjetà mal-persuni li qed ibatu minħabba l-pandemija għax ma jistgħux jaraw lil qrabathom.
Ir-Rettur spiċċa l-messaġġ b’talba lil Sant’Anton:“Fiż-żmien qalil tal-Pesta kont tagħna protettur, kun issa għax-Xagħrin kollha mill-ġenna Salvatur.”