“Il-festa ta’ San Ġorġ f’Għawdex f’riskju minħabba xogħlijiet fil-pjazza”

Dwar ix-xogħlijiet ta’ pavimentar fi Pjazza Indipendenza (It-Tokk) fir-Rabat Għawdex, is-Soċjetà Filarmonika La Stella esprimiet it-tħassib tagħha hekk kif “fi żmien ħames ġimgħat oħra, Għawdex se jiċċelebra l-festa ta’ San Ġorġ Martri imma x-xogħlijiet għadhom fi stat bikri”.
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella qed titlob lill-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria sabiex b’mod immedjat jagħmel l-arranġamenti neċessarji li jippermettu li l-iskeda tal-armar fit-Tokk titwettaq b’mod raġonevoli.  
Spjegat li l-armar fit-toroq diġà beda imma din il-pjazza għadha mhix aċċessibbli.
Il-Kumitat tas-Soċjetà Filarmonika qed jantiċipa li sakemm ma jsirx l-intervent urġenti mill-awtoritajiet kompetenti, l-organizzazzjoni tal-festa ta’ San Ġorġ ta’ din is-sena tinsab f’riskju.
Żiedet tgħid li fil-qafas tal-obbligi finanzjarji marbuta mal-festa, se tkun qed tikkunsidra d-drittijiet tagħha skont il-liġi.
Waqt il-programm Baħar Jaqsam fuq RTK nhar il-Ġimgħa, is-Sindku tal-Belt Victoria Samuel Azzopardi qal li l-proġett riesaq lejn tmiemu u fadal biss ‘irqaqat żgħar’. Spjega li lejn l-aħħar ta’ Ġunju l-pjazza se tkun lesta, u l-proġett se jkun aċċessibbli għal kulħadd u lest fil-ħin biex isiru l-preparamenti għall-festi.