Il-Ferrari żżomm il-brejk fuq it-tkabbir għall-ħames snin li ġejjin

Is-CEO il-ġdid tal-Ferrari ħabbar fl-aħħar ġranet li se jtaffi ftit l-ambizzjonijiet li kellu l-predeċessur tiegħu Sergio Marchionne li miet f’Lulju li għadda. Is-CEO il-ġdid, Louis Camilleri li ġej minn familja Maltija li kienet emigrat lejn l-Eġittu, ħabbar lill-investituri d-dettalji tal-pjan tal-kumpanija għall-ħames snin li ġejjin.

Imbassar qligħ ta’ 2 biljun ewro

Waqt li kien qed jindirizza l-investituri, Camilleri ħabbar li Ferrari qed jistennew qligħ qabel it-taxxa u l-interessi, ta’ madwar 2 biljun ewro fl-2022. Il-pjanijiet imħabbra dan l-aħħar huma modestament inqas ambizzjużi minn dawk li kienu programmati taħt is-CEO Sergio Marchionne. Ħabbar ukoll li Ferrari se jipposponu bi ftit l-istennija għal hybrid SUV li qed tkun imsejjħa ‘Purosangue’,  minkejja li fi kliem Camilleri ma jaqbilx ma’ min jikklasifika din il-vettura bħala SUV.

Il-preżentazzjoni tas-CEO Camilleri ħalliet impatt posittiv fuq l-investituri, minkejja li għal ftit ħin il-valur tal-istock naqas b’3,7 fil-mija. Madanakollu din in-negattività inbidlet fi żmien qasir hekk kif Camilleri ħabbar riżultati u inizjattivi li niżlu tajjeb mal-investituri.

Teknologija hybrid

Ferrari qed turi interess qawwi f’magni hybrid għall-vetturi tagħha bil-għan li tkun minn ta’ quddiem fost il-kompetizzjoni f’dan il-qasam. Qed issir ħidma mit-tekniċi Ferrari biex iżidu l-flotta ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Ferrari qiegħda wkoll għall-ewwel darba tippjana li tidħol fis-suq tal-SUV’s minkejja li l-kumpanija dejjem kienet sinonima ma’ karozzi sportivi li jaħdmu bi fuel tradizzjonali. Fi kliem Louis Camilleri dan it-target huwa ‘ambizzjuż imma li jista’ jitwettaq. Iċ-ċifri imsemmija huma ta’ 60 fil-mija tal-produzzjoni sal-2022 li se jkollhom magna hybrid. Huwa indikat li bejn is-sena d-dieħla u l-2022 se jkun ħarġu 15 il-mudell ġdid ta’ karozzi Ferrari.

It-tiġrijiet tal-Formula 1

Intant, Camilleri qal li Ferrari għadhom il-bogħod milli jilħqu ftehim li jibqgħu itellqu fid-dinja tal-Formula 1 wara l-2020. Huwa mifhum li Ferrari qed titlob aktar garanziji biex tkompli tinvesti f’dan il-qasam, li jirrikjedi miljuni kbar ta’ flus. Camilleri qal li għaddejjin diskussjonijiet mat-tmexxija tal-Formula 1 dwar diversi aspetti fosthom dawk tekniċi, finanzjarji u ta governanza. Fi kliemu jemmen li hemm konsesus bażiku tal-għanijiet prinċipali għal futur, imma it-triq li twassal għal dan għad mhijiex ċara.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.