Il-fergħat tal-BOV se jiftħu mit-Tnejn sal-Ġimgħa

Il-Bank of Valletta ħabbar li b’effett immedjat, it-33 fergħa tiegħu se jkunu qed jiftħu mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9am u nofsinhar.

Fi stqarrija l-bank qal li f’inizjattiva oħra mmirata biex tnaqqas it-tixrid tal-COVID-19 u tipproteġi l-impjegati u l-klijenti tiegħu, il-Bank mhux se jkun qed jiftaħ għan-negozju fil-ġranet tas-Sibt sakemm ma joħroġx avviż ieħor. L-ATMs kollha tal-BOV u l-mezzi l-oħra tas-servizzi bankarji se jibqgħu joperaw b’mod normali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Rick Hunkin ħeġġeġ lill-klijenti biex ma jżurux il-fergħat tal-Bank bla bżonn u biex jibqgħu fis-sigurtà ta’ djarhom. “Il-biċċa l-kbira tas-servizzi li jingħataw mill-fergħat tagħna issa jistgħu jsiru permezz tal-imejl, telefown u video conferencing. Il-klijenti li jkollhom bżonn servizzi bankarji jistgħu jibagħtu t-talbiet tagħhom b’mod elettroniku u aħna nikkuntattjawhom lura bl-għajnuna meħtieġa. Dawn il-metodi ġodda huma eħfef u aktar konvenjenti għall-klijenti fiċ-ċirkostanzi preżenti. Inaqqsu wkoll il-ħtieġa li joħorġu minn djarhom bla bżonn, u b’hekk jimxu mal-pariri li qed jipprovdu l-awtoritajiet tas-saħħa”, żied jgħid.