Il-fekruna mietet b’pulmonite minħabba l-plastik

ERA

Il-fekruna li nstabet mejta f’wiċċ l-ilma f’Għawdex mietet bil-pulmonite, għaliex kienet iddgħajfet bil-plastik li belgħet.

Il-fekruna leatherback, bil-Malti fekruna sewda, hi suxxettibbli ħafna għall-plastik, peress li hi l-unika tip ta’ fekruna li tiekol bram u kreaturi simili biss. Għalhekk, il-plastik fil-baħar ħafna drabi taħsbu brama.

L-ERA ħarġet stqarrija li fiha tispjega l-kawża tal-mewt tal-fekruna tal-ispeċi rari Leatherback, wara li ċċekkjaha Dr Anthony Gruppetta f’isem in-Nature Trust.

Hija nstabet mejta fl-ilmijiet bejn il-Qala u Kemmuna, u ttellgħet iċ-Ċirkewwa. In-numri ta’ dawn il-fkieren qegħdin dejjem jonqsu, u l-aħħar darba li dehret f’Malta kien fl-2015.

Din il-fekruna hija l-aktar speċi ta’ fekruna mifrux madwar id-dinja. Hi tittollera ilmijiet kesħin ħafna, b’differenza minn rettili oħra, permezz tal-kobor ta’ ġisimha, iċ-ċirkulazzjoni u ż-żejt f’ġisimha.

Din il-fekruna kienet għadha ta’ età żgħira, iżda kienet tiżen 190kg. Dawn il-fkieren jistgħu jikbru sa 900kg.

Il-fkieren suwed ilhom protetti f’Malta mill-1992.

ERA