
Nick Ayers, il-favorit tal-President Donald Trump għall-pożizzjoni ta’ Chief of Staff mhux se jibqa’ fil-lista’ tal-għażliet u għaldaqstant Trump kellu jibda jikkunsidra persuni oħrajn. Skont Reuters dan ġej wara żmien ta’ kaos fil-White House.
Is-Segretarju tal-Finanzi Steven Mnuchin u r-Rappreżentattiv Repubblikan Mark Meadows huma fost il-persuni li hemm ċans jieħdu post iċ-Chief of Staff preżenti John Kelly.
Ayers, li għandu 36 sena u bħalissa qed jokkupa l-kariga ta’ Chief of Staff tal-Viċi President Mike Pence kien ilu fid-diskussjonijiet għall-pożizzjoni għal xhur sħaħ, madanakollu skont sorsi ta’ Reuters, ma rnexxielux jasal għal qbil ma’ Trump dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fi tweet Ayers spjega li se jkun qed jitlaq mill-White House sabiex imur lura Georgia u jgħin il-grupp “America First Policies”, li kien għaqqad hu stess qabel ma ħa l-kariga ma’ Pence fil-White House.
Skont uffiċjal amminsitrattiv, ir-raġuni għaliex Ayers ma ħax dan ix-xogħol huwa minħabba li Trump kien qed ifittex kuntratt ta’ sentejn, filwaqt li Ayers kien lest jikkommetti ruħu biss sar-Rebbiegħa tal-2019 minħabba raġuni tal-familja. Ayers għandu tliet itfal.