Il-faqar u l-vjolenza qed ifixklu l-progress ta’ bosta nisa u tfal bniet

Il-kundizzjonijiet f’diversi nħawi tad-dinja qed iwasslu biex nisa u tfal bniet qed ikollhom iġorru l-piż li jagħmlu kuljum ix-xogħol tad-dar, u dan qed iċaħħad lil ħafna minnhom anki minn edukazzjoni bażika.
Din it-twissija għamilha l-Arċisqof Bernardino Auza,  l-osservatur permanenti tal-Vatikan għan-Nazzjonijiet Magħquda.
Ħafna drabi n-nisa huma vittmi ta’ vjolenza sesswali jew forom oħra ta’ vjolenza li ma jħalluhomx itejbu ħajjithom għalihom u għall-familji tagħhom.
Nisa u xebbiet emigranti huma partikolarmanet vulnerabbli għal dawn is-sitwazzjonijiet.
L-Arċisqof Auza qal dan waqt li kien qed jindirizza l-problema tal-avvanz tal-mara waqt sessjoni tat-Tielet Kumitat tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar kwestjonijiet soċjali, umanitarji u kulturali.
Hu qal li nisa żgħażagħ fi nħawi rurali qed ikunu involuti f’xogħol domestiku bla ħlas u jġorru piż kbir meta ma jkollhomx aċċess għal ilma nadif u faċilitajiet sanitarji. Qed ikunu mġiegħla jagħmlu ħin jiġbru l-ilma għall-komunità fejn jġħixu u biex jagħmlu dan qed jiċċaħħdu mill-edukazzjoni u jkunu esposti għar-riskju tal-vjolenza.
Jekk infallu milli niggarantixxu d-dritt bażiku għal aċċess għal ilma tax-xorb nadif, inkunu qed inpoġġu f’periklu drittijiet umani oħra, qal l-Arċisqof.
Ir-rappreżentant tal-Vatikan irrefera għall-Enċiklika “Laudato Si” fejn il-Papa Franġisku tkellem dwar  “l-abbandun li qed jesperjenzaw xi popolazzjonijiet rurali li m'għandhomx aċċess għal servizzi essenzjali. Xi  ħaddiema qed ikunu ridotti għal skjavi bla drittijiet jew almenu tama li jgħixu ħajja aktar dinjituża”.
Dwar l-edukazzjoni, Bernardito Auza qal li sar progress sinjifikanti lejn parità bejn subien u bniet minn familji sinjuri, imma nisa u tfal li jgħixu fil-faqar huma bla edukazzjoni, bla ħiliet litterali bażiċi u m'għandhom ebda opportunità għal edukazzjoni għolja.
Tfajliet adoloxxenti huma f’riskju kbir ta’ esklużjoni mill-edukazzjoni minħabba tbatija soċjali u ekonomika. Meta n-nisa ma jkollhomx aċċess għall-edukazzjoni jkunu mfixkla milli jsiru aġenti tal-iżvilupp tagħhom infushom.
L-Arċisqof Auza qal li biex din ir-realtà tinbidel “irridu nindirizzaw il-ħtiġijiet materjali bażiċi ta’ kull tifla fl-età tal-iskola fiż-żoni rurali.
Inizjattiva li rriżultat effiċjenti hi dik li tipprovdi ikliet lil dawn it-tfal fl-iskejjel u dan għen biex naqas l-assenteiżmu. 
Inizjattivi bħal dawn għandhom ikunu inkoraġġiti biex jiggarantixxu aċċess għall-edukazzjoni lil kull tifla.